“Malta qed taċċetta posta minn kullimkien” – Maltapost

Malta qed taċċetta posta minn kullimkien u qed tipproċessa kull posta li tasal għandha. Dan ikkonfermatu kelliema għal Maltapost ma’ Newsbook.com.mt wara li kien hemm persuni li kkuntattjaw lil din il-kamra tal-aħbarijiet dwar posta u pakketti li mhux qed jaslulhom minn ċertu pajjiżi.

Il-kelliema spjegat li huwa l-pajjiż li jkun qed jibgħat il-pakkett li għandu r-responsabbiltà biex jagħżel ir-rotta li hemm bżonn biex iwassal il-posta fid-destinazzjoni. Qalet li minħabba t-tnaqqis fit-titjiriet, ħafna pajjiżi kellhom rotot alternattivi biex iwasslu l-posta f’Malta. B’hekk sostniet li jista’ jkun li kien hemm pajjiżi li ma rnexxilhomx isibu rotta alternattiva vijabbli għal Malta.

Dwar meta s-servizz se jkun qed jiġi lura għan-normal, il-kelliema spjegat li huma għadhom qed iqassmu kull posta li tasal minn barra fil-ġurnata ta’ xogħol li jmiss. Dwar id-dewmien biex il-posta tasal Malta minn barra, hi spjegat li dan jiddependi mit-titjiriet li huma skedati madwar id-dinja. Spjegat kif f’Malta żdiedu t-titjiriet mill-1 ta’ Lulju u ħa jerġgħu jiżdiedu fil-15 ta’ Lulju u dan se jkun qed jgħin biex jitnaqqas id-dewmien minn pajjiżi fejn hemm titjiriet diretti. Spjegat li t-tnaqqis fid-dewmien ikun relattiv mal-frekwenza ta’ titjiriet minn dawn il-pajjiżi. “Però minn pajjiżi oħra kollox jiddependi mit-titjiriet li hemm bejn dak il-pajjiż u pajjiżi oħra tranżitorji,” qalet il-kelliema.

Newsbook.com.mt kien ikkuntattjat minn persuni li spjegaw li fost l-oħrajn għamlu ordnijiet mis-Slovenja. Il-kumpanija minn fejn kienu ordnati l-oġġetti kienu tkellmu mal-klijent u spjegaw li Malta ma kinitx qed taċċetta pakketti mis-Slovenja.