“Malta t-tieni l-iktar pajjiż li jikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem”

Read in English.

L-eks Imħallef fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, Giovanni Bonello qal li Malta hi t-tieni minn 47 pajjiż fl-Ewropa li l-iktar jikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Semma kif f’erba’ minn ħames sentenzi li ngħataw dwar Malta din is-sena, il-qorti fi Strasburgu sabet li Malta ma pproteġietx id-drittijiet fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem.
Qal li dan hu wieħed minn tliet rekords negattivi ta’ Malta fil-ħarsien ta’ dawn id-drittijiet.
85% tas-sentenzi Maltin jinbidlu mill-Qorti Ewropea
F’intervista waqt il-programm Newsline fuq RTK, l-Imħallef Emeritu spjega kif 85% tad-deċiżjonijiet tal-Qrati Maltin jiġu revokati mill-Qorti għad-Drittijiet tal-Bniedem. F’dawn il-każi il-Qorti Ewropea tagħti raġun lill-persuna li fil-Qorti ta’ Malta jkunu inkisrulha d-drittijiet tagħha. Spjega kif f’dawn il-każi, il-Qrati Maltin żammew ma’ min kiser id-drittijiet fundamentali u mhux mal-vittma.
Qal li pajjiżi bħat-Turkija, ir-Russja u l-Ażerbajġan qegħdin ħafna inqas minn Malta f’din il-lista.
Malta rreżistiet li tidħol taħt il-Qorti Ewropea
L-eks Imħallef spjega kif Malta kienet l-aħħar pajjiż li daħal taħt il-Qorti għad-Drittijiet tal-Bniedem. Qal li Malta baqgħet tirreżisti sa Ġunju tal-1987.
Spjega li kieku ma kienx għal din il-qorti internazzjonali, hemm ħafna nies li sofrew ksur tad-drittijiet fundamentali meta talbu l-għajnuna mill-awtoritajiet lokali, din ġiet miċħuda u l-uniku soluzzjoni kien li jmorru għand il-qorti Ewropea.
Liġi li tikser id-drittijiet tal-bniedem ma titneħħiex
L-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello spjega kif “b’mod żbaljat” meta l-Qorti ta’ Malta ssib liġi li tikser id-drittijiet fundamentali, il-liġi ma titneħħiex.
Semma kif fil-każ dwar il-kirjiet, id-deċizjonijiet li ttieħdu Strasburgu għadhom mhux jinħassu f’Malta u l-qrati f’Malta qed jagħtu rimedju lil każi individwali u min ikollu każ eżatt bħalu, irid jiftaħ kawża oħra. Dan minkejja li l-Kostituzzjoni Maltija hi ċara li liġi li tikser id-drittijiet umani għandha titneħħa.
Newsline għandu produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Fr Joe Borg u Manwel Delia.