Malta t-tieni l-iktar pajjiż fl-UE li żied il-produzzjoni industrijali

F’Diċembru li għadda Malta żiedet il-produzzjoni industrijali tagħha b’aktar minn 10% u b’hekk kellha t-tieni l-ogħla żieda fost il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea. Dan meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel. Skont statistika tal-Eurostat, il-produzzjoni industrijali madwar l-Ewropa żdiedet b’0.7% bejn Novembru u Diċembru.

Madanakollu, meta tqabbel Diċembru li għadda ma dak tal-2011, il-produzzjoni industrijali naqset b’2.4% fost il-pajjiżi li jużaw l-Euro u b’2.3% fost is-27 pajjiż membru fl-Unjoni.

Fi żmien sena, l-iktar pajjiżi li żiedu l-produzzjoni tagħhom kienu l-Latvija, b’żieda ta’ kważi 11%, Malta li żiedet b’10.3% u l-Litwanja.

L-iktar pajjiżi li naqqsu l-produzzjoni industrijali tagħhom kienu Spanja, l-Italja, ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja.