Malta t-tielet l-aqwa post fid-dinja fejn jgħixu ż-żgħażagħ

Malta ġiet klassifikata fit-tielet post fost l-aqwa ħamsa u għoxrin belt fid-dinja li huma aktar addattati biex fihom jgħixu ż-żgħażagħ. Dan joħroġ minn stħarriġ online li jidher fuq is-sit elettroniku list25.com.  Jgħaddu biss lil Malta bħala l-aħjar post fejn jgħixu ż-żgħażagħ huma belt kapitali tal-Awstrija Vjenna u l-belt ta’ New York fl-Istati Uniti.

Dan is-sit elettroniku jagħmel referenza għal fatt li Malta hija pajjiż u mhux belt, iżda jissemma li Malta hija pajjiż tant żgħir li tista’ tiġi klassifikata bħala belt. Malta tingħata t-titlu ta’ ‘Belt il-Għasel’ minn dan is-sit elettroniku fejn jissemma wkoll li Malta għandha l-iktar nies ġenerużi fid-dinja.

Is-sit list25.com jgħid li ż-żgħażagħ huma persuni dinamiċi, prattiċi, independenti u li għandhom għanijiet fil-karrieri tagħhom. Għaldaqstant Malta ġiet klassifikata fit-tielet post ta’ din il-klassifika bħala wieħed mill-aktar tlett postijiet fid-dinja li huma addattati għall-istil ta’ ħajja li jgħixu ż-żgħażagħ.