Aġġornata: Malta ssalva 114-il immigrant, tirrifjuta 141

AFM

Il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw 114-il immigrant li dehru fuq dinghy 53 mil nawtiku lejn in-Nofsinhar ta’ Malta.

Fi stqarrija maħruġa mill-Forzi Armati ntqal li d-dgħajsa ntlemħet fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu waqt li kienet qed issir ir-ronda mal-fruntiera tal-ibħra Maltin.

Il-Forzi Armati qalu li għalkemm id-dgħajsa kienet qed tegħreq, il-114-il immigrant kienu salvati kollha mill-patrol boat tal-Forzi Armati.

Intant, aktar kmieni llum, l-NGO SOS Mediterranee qalet li Malta, flimkien mal-Italja, rrifjutat li tieħu l-141 immigrant abbord il-bastiment Aquarius.

Dawn l-immigranti ġew salvati nhar il-Ġimgħa li għaddiet. B’kollox kien hemm 73 taħt it-18-il sena li minnhom 67 kienu qed jivvjaġġaw waħidhom mingħajr il-familji tagħhom.

Il-Gvern iċaħħad l-aċċess lill-ġurnalisti 

Il-ġurnalist fotografu Darrin Zammit Lupi rreġixxa għall-istqarrija tal-Gvern billi qal li għal darb’oħra, l-Gvern ċaħħad lill-ġurnalisti Maltin milli jsegwu mill-qrib il-ħidma tal-Forzi Armati ta’ Malta fis-salvataġġ tal-immigranti.

F’post fuq Facebook huwa qal li għal dawn l-aħħar għoxrin sena, l-awtoritajiet fehmu l-valur li jġorru l-istampi u kien għalhekk li l-Frontex, l-uffiċċju tal-President u saħansitra anki l-Forzi Armati ta’ Malta kienu jitolbuh permess biex jużaw ritratti tiegħu.

Ironikament, wara 45 minuta li ttella dan il-post fuq il-midja soċjali, id-Dipartiment tal-Informazzjoni ppubblika r-ritratti tal-wasla tal-114-il immigrant miġbuda minn fotografu tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Once again the AFM and government have denied media access to the maritime squadron base to cover the arrival of rescued…

Posted by Darrin Zammit-Lupi on Monday, August 13, 2018