Malta se tivvota biex bexx li jikkawża l-kanċer jibqa jintuża għa’ 10 snin oħra

Malta mistennija tivvota favur l-estenzjoni tal-użu tal-bexx li tista’ tikkawża l-kanċer, il-glifosat, b’għaxar snin oħra, sabiex l-użu tagħha mill-bdiewa jibda jonqos gradwalment sakemm jispiċċa.
Dan qalu l-Partit Demokratiku, li fi stqarrija kkundanna din id-deċiżjoni tal-Gvern li jestendi l-użu tal-erbiċida, wara li s-sena l-oħra ħadem tant biex jipprojibixxi għalkollox l-użu tal-istess erbiċida.   
Il-partit spjega li waqt dibattitu dwar l-ambjent fil-Parlament ftit jiem ilu, id-deputat parlamentari Godfrey Farrugia enfasizza li din l-erbiċida m’għandhiex tintuża meta jeżistu alternattivi bijoloġiċi.
Ilbieraħ, fil-Parlament Ewropew, għaddiet ir-riżoluzzjoni kontra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex tiġġedded il-liċenzja tal-glifosat għall-għaxar snin li ġejjin.
Il-Parlament Ewropew, permezz ta' riżoluzzjoni mressqa mill-kelliema għas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, Miriam Dalli, ried li l-glifosat jitwaqqaf f'temp ta' 5 snin, u mhux 10.
Minflok, il-Membri Parlamentari Ewropej talbu li l-erbiċida ma tibqax tintuża f’parks pubbliċi, ġonna u bandli, filwaqt li titneħħa mill-użu agrikolu ftit ftit fil-5 snin li ġejjin.
Dan minħabba li l-glisofat u r-residwi tiegħu ġew misjuba fl-ilma, fil-ħamrija, fl-ikel, x-xorb u saħansitra fl-awrina tal-bniedem u għalhekk huwa ta’ theddida għas-saħħa taċ-ċittadini.
Malta mistennija tieħu deċiżjoni finali dwar l-użu tal-erbiċida iktar tard illum waqt laqgħa tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel.