​Malta se tilqa’ laqgħat għoljin tal-UEFA f’Settembru 2015

Wara s-suċċess fl-organiżazzjoni tal-UEFA Under 17 f’pajjiżna f’Mejju li għadda, l-Uefa Top Executive Programme u l-Eżekuttiv tal-Kumitat tal-Uefa se jiltaqgħu f'Malta f’Settembru tal-2015.
Dawn il-laqgħat se jwasslu għall-deċiżjonijiet importanti bħalma huma l-espansjoni tal-Euro minn 16 għal 24 pajjiż, iċ-ċentraliżazzjoni tad-drittijiet tal-media tat-timijiet nazzjonali fil-logħbiet ta’ kwalifikazzjoni u li l-Euro 2020 tiġi organizzata f’diversi bliet Ewropej minflok f’pajjiż wieħed jew tnejn.
Din l-aħbar ġiet imħabbra mill-President tal-Malta Football Association Norman Darmanin Demajo, waqt laqgħa tal-kunsill tal-istess assoċjazzjoni, fejn qara siltiet minn ittra li rċieva mingħand is-Segretarju Ġenerali tal-UEFA Gianni Infantino.
Din l-ittra ntbagħtet wara laqgħa li kienet saret lejn l-aħħar ta’ Mejju f’Lisbona, fejn il-President tal-UEFA Michel Platini kien qal lil Darmanin Demajo dwar il-ħsieb li jsiru dawn il-laqgħat f’Malta.
Il-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA l-aħħar li ltaqa’ f’Malta kien f’Jannar tal-2010.