Malta se tilqa’ l-141 immigrant abbord l-Aquarius

Guglielmo Mangiapane / SOS Mediterranée

Malta se tkun qed tħalli lill-bastiment Aquarius jidħol f’Malta hekk kif kien hemm diskussjonijiet bejn Franza u Malta. Dan ħabbru l-Gvern fi stqarrija.

Il-Gvern sostna li minkejja se ssir din il-konċessjoni, Malta ma għandha l-ebda obbligu tagħmel dan. Malta se tkun qed isservi ta’ bażi għall-141 persuna salvata mill-bastiment Aquarius. Il-persuni se jitqassmu bejn Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Portugal u Spanja.

Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez qal li Spanja se tkun qed tieħu 60 immigrant minn dawk abbord Aquarius.

Filwaqt li jidher li Franza wkoll se tkun qed tieħu 60 persuna oħra minn dawk abbord skont rapporti li dehru fil-ġurnali Franċiżi.

Il-Portugall se jieħu 30 persuna minn dawk li kienu salvati t-Tnejn u dawk li se jidħlu abbord Aquarius.

Il-Partit Laburista b’appell għall-għaqda nazzjonali dwar l-immigrazzjoni

Fi stqarrija l-Partit Laburista appella għall-għaqda Nazzjonali dwar l-immigrazzjoni. Il-PL saħaq li m’hemmx lok għall-elementi estremi. Il-Partit sostna li huwa kburi bl-inizjattiva tal-Gvern li sab soluzzjoni.

Il-bastiment Aquarius jinsab fiż-żona tat-tfittxija u salvataġġ Maltija skont l-aħħar informazzjoni. Sal-ħdax u nofs ta’ dalgħodu il-bastiment kien madwar 32 mil nawtiku lbarra minn kosta Ewropea.

https://onboard-aquarius.org

Ilbieraħ Malta salvat 114 persuna mill-għarqa li 60 minnhom se jiġu mqassma ma’ dawn il-pajjiżi bħala parti mill-koperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej.

L-għaqdiet mhux governattivi Médecins Sans Frontières (MSF) u SOS Mediterranee joperaw il-bastiment Aquarius li jaħdem fit-taqsima tat-tfittxija u salvataġġ ċivili.

Dalgħodu l-MSF qalu li jinsabu inkwetati ferm dwar it-38 tifel u tifla li għandhom taħt il-15-il sena, u li jinsabu abbord l-Aquarius ‘il bogħod minn familthom. Dan qaluh fi tweet fejn spjegaw li l-iżgħar fost dawn it-tfal li jinsabu mingħajr familja għandu 12-il sena. Irrimarkaw li ma jistawx jibdew jimmaġinaw x’raw dawn it-tfal waqt li kienu qed jgħixu fil-Libja.