Malta se tilħaq il-miri Ewropej tal-iskart pemezz tal-impjant fil-Magħtab

Il-Kummissjoni Ewropea qed tenfasizza fuq id-Direttiva Ewropea li sal-1 ta’ Jannar li ġej, ir-riċiklaġġ tal-iskart domestiku jrid jiżdied fil-volum b’70%.
Il-Kummissjoni trid li l-Ewropa issir l-ikbar ekonomija fid-dinja li tkun effiċjenti fir-riżorsi.
Sabiex jintlaħqu dawn il-miri ambizzjużi tal-Kummissjoni Ewropea, f’Malta għaddej ix-xogħol fuq l-impjant tat-trattament tal-iskart magħruf bħala Malta North.
Dan l-impjant, li se jkun simili għal dak ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala, se jsir fil-Magħtab u se jiġi jiswa €43 miljun bl-għajnuna tal-fondi Ewropej u mistenni li jkun lest sal-2015.
Eventwalment dan l-impjant se jitratta d-doppju tal-ammont ta’ skart li jiġi trattat f’Sant’Antnin, li jara biss terz tal-iskart domestiku.
Kelliema għall-Ministeru għall-Ambjent qalet ma’ Newsbook.com.mt li b’dan il-mod se jiġi trattat 100% tal-iskart domestiku u se jispiċċa l-iskart mhux trattat li jispiċċa fl-Għallis.
L-iskart se jibqa’ kkunsidrat bħala riżors u f’Malta North, l-iskart organiku se jiġi ffermentat biex jagħti l-metanu, li minnu jiġi ġġenerat l-elettriku.
Dan diġa qed isir fl-impjant ta’ Sant’Antnin. Ma’ Newsbook.com.mt, il-kelliema għall-Ministru għall-Ambjent qalet li huwa importanti li nieħdu kull ma nistgħu mill-iskart u l-enerġija ġġenerata mill-iskart hija meqjusa bħala enerġija ħadra u tgħin sabiex Malta tilħaq il-miri tal-Unjoni Ewropea sal-2020.
Il-mira sal-2020 hi li 50% tal-iskart domestiku jiġi trattat kollu iżda l-Kummissjoni Ewropea issa trid li din il-mira titla’ għal 70% sal-2030.