Aġġornata (2): Il-Ġermanja, tieħu 50 immigrant daqs Malta u Franza

Il-Ġermanja ħabbret li se tieħu 50 immigrant minn dawk l-450 immigrant li l-Italja għenet aċċettat li tilqa’. Dan huwa l-istess numru li se tieħu Malta u se tieħu Franza.

L-immigranti kienu qed jinġarru fuq żewġ vapuri, wieħed tal-aġenzija tal-UE, Frontex, u l-ieħor tal-pulizija fiskali Taljani. L-immigranti inġabru minn qrib il-gżira Taljana ta’ Linosa li hija 100 mil nawtiku l-bogħod minn Malta.

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte kiteb lill-mexxejja tas-27 pajjiż fl-Unjoni Ewropea u talabhom biex jaqsmu ma’ l-Italja r-responsabbilta għal dawn l-450 immigrant li telqu mil-Libja.

Malta irrifjutat il-pressjoni Taljana biex l-immigranti jiżbarkaw hawn iżda aċċettat li tgħin billi tieħu 50 minnhom. Conte kiteb fuq Facebook li l-Italja aċċettat li tilqa’ lill-immigranti jekk  pajjiżi oħra jaċċettaw li jieħdu uħud minnhom.

Francia e Malta prenderanno rispettivamente 50 dei 450 migranti trasbordati sulle due navi militari. A breve arriveranno…

Posted by Giuseppe Conte on Saturday, July 14, 2018

Ir-repubblika Ċeka diġa qalet li ma tridx tilqa’ immigranti.  Il-Prim Ministru tal-pajjiż Andrej Babis qal li l-proposta Taljana hija triq lejn l-infern.

Il-Libja qalet ukoll li ma kienetx lesta li tilqa’ l-immigranti lura.

Għal rapport dettaljat ara hawn: Germany, like Malta and France, will take 50 rescued migrants