Malta se tieħu 2 immigranti minn Lifeline – PD

Arkivji

Read in English.

Il-Partit Demokratiku (PD) qal li Malta se tieħu żewġ immigranti minn madwar 230 abbord il-bastiment Lifeline.

Fi stqarrija mibgħuta wara l-konferenzi tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru u tal-Partit Nazzjonalista, il-PD qal li jilqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern Malti biex il-piż tal-immigranti jinqasam bejn tmien pajjiżi skont il-popolazzjoni.

Fi kliem il-partit, “Malta, li hi l-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea, kienet ta’ eżempju kbir għan-nazzjonijiet ħafna akbar minna.”

Il-PD awgura li l-gvern Malti jkompli juża’ rieda tajba, kompassjoni, diplomazija, u osservanza lejn il-liġi internazzjonali fil-każ tal-vapur Lifeline u sfidi oħra simili.

Aktar kmieni, il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat qal li tmien pajjiżi jinsabu lesti biex jilqgħu numru ta’ migranti li jinsbu fuq il-vapur Lifeline li mistenni jasal Malta llejla.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet internazzjonali Muscat qal li l-pajjiżi li qed jieħdu sehem f’dawn l-arranġamenti huma Malta, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Portugal, in-Netherlands, u l-Belġju.

F’konferenza separata, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkompli tappoġġja lill-Gvern dwar is-sitwazzjoni tal-bastiment Lifeline sakemm il-Gvern jimxi mal-liġijiet.

Delia qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li ssejħet mill-Partit Nazzjonalista wara l-konferenza li ġiet organizzata mill-Uffiċju tal-Prim Ministru.