“Malta se tibqa’ barra mix-Schengen anke wara ċ-CHOGM” – il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li anke wara l-laqgħat taċ-CHOGM, f’Malta se jibqgħu r-regoli l-ġodda tas-sospensjoni ta’ Schengen. 
Waqt l-aħħar laqgħa ta’ Gvern Li Jisma’, il-Prim Ministru qal li dan qed isir bħala prewkawzjoni sakemm l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi miżuri ġodda ta’ sigurtà. 
Fid-dawl tal-fatt li ħamest ijiem oħra jibda ċ-CHOGM, Dr Muscat sostna li l-Gvern m’għandu informazzjoni ta’ xi attakk jew theddida. 
Madanakollu, qal li m’għandniex nassumu li ma jista’ jiġri xejn iżda fl-istess ħin ma rridux inkunu pessimisti żżejjed u niddubitaw f’kull ħaġa li tiġri.
It-Traffiku
Il-Prim Ministru qal li minħabba t-traffiku fit-toroq Maltin, il-Gvern hu lest li jibda jistudja l-possibiltà dwar kif jistgħu jinbnew mini taħt l-art . 
Link bejn Malta u Għawdex
Wara li l-ekonomista Gordon Cordina ppubblika l-istudju tiegħu dwar il-mina bejn iż-żewġ gżejjer, il-Prim Ministru qal li ebda deċiżjoni mhi se tittieħed sakemm issir konsultazzjoni pubblika.
Sostna li l-proġett hu finanzjarjament vijabbli u jista’ jsir mill-privat. Madanakollu jixtieq li l-Gvern jikkontrolla l-prezz tan-noll u mhux ħidmet il-mina.
Is-sigurtà f’Paceville
Dwar is-sigurtà f’Paceville, il-Prim Ministru saħaq li l-klabbs m’għandhomx jiftħu għall-pubbliku jekk mhumiex lesti li jiċċekkjaw lil min dieħel.  Dan qalu wara li kmieni din il-ġimgħa, wieħed mis-sidien tal-istabbilment fejn ġara l-inċident tat-taraġ, qal li huma ma jistgħux jiċċekkjaw il-karta tal-identità ta’ kull persuna li tidħol fil-klabb.
Qal li l-problema ta’ Paceville ilha għaddejja snin u li din hi problema soċjali u għalhekk, kemm is-sidien u anke l-ġenituri għandhom jerfgħu r-responsabbiltà.
Is-sewqan ta’ muturi taħt il-125cc
Dr Muscat reġa’ rrimarka li dawk li jixtiequ jsuqu mutur taħt il-125 ċilindrata, xorta se jkollhom jattendu għal-lezzjonijiet u bħalissa qed jiltaqa’ mal-Assoċjazzjoni tal-Assikurazzjoni tal-Passiġġier. 
L-investiment u t-turiżmu
Il-Prim Ministru semma li l-attivitajiet tal-Valletta Summit u taċ-CHOGM mhumiex ikkonċentrati f’żona waħda tal-pajjiż u dan sabiex il-ġid li jħallu, jinqasam bejn kulħadd. 
Dwar il-miżata ta’ 50ċ għal kull lejl li t-turisti jqattgħu f’Malta, Dr Muscat qal li l-flus miġbura se jintefqu fuq it-titjib taż-żoni turistiċi. Tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-istudenti tal-ITS jaraw it-turiżmu bħala settur li jiftaħ karriera u mhux sempliċiment settur li joffri impjieg.
 
Reazzjoni: Il-PN kontra li Malta tibqa' sospiża mix-Schengen
Il-Partit Nazzjonalista hu kontra d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru, li Malta żżomm is-sospensjoni tax-Schengen anke wara ċ-CHOGM.
Qal li minkejja l-Partit Nazzjonalista appoġġja lill-Gvern biex fi żmien il-Valletta Summit idaħħal kontrolli temporanji fil-fruntieri Maltin, “dan ma jfissirx li eċċezzjoni għandha ssir ir-regola.”
 “Jekk il-Prim Ministru jrid isaħħaħ is-sigurta’ f’pajjiżna m’għandux jibda billi jneħħi d-drittijiet tal-poplu Malti iżda billi jagħmel xogħlu  bis-serjetà” fosthom il-ħruġ ta’ viżas lil barranin, saħaq il-Partit Nazzjonalista.
Temm jgħid li “jekk Joseph Muscat iżomm is-sospensjoni tal-ftehim ta’ Schengen b’mod indefinit wara l-laqgħa taċ-CHOGM, għandu jkollu ġustifikazzjoni serja. Inkella kull ma jkun qed jagħmel ikun li jreġġa’ lura drittijiet importanti li l-poplu kiseb grazzi għal sħubija fl-Unjoni Ewropea”.

Reazzjoni PL: Il-Kap tal-Oppożizzjoni kuntradittorju u negattiv
Il-Partit Laburista akkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, b’politika negattiva u distruttiva. Saħaq li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jikkontradixxi kliemu dwar is-sigurtà tal-pajjiż. 

Skont il-Partit Laburista, Simon Busuttil l-ewwel akkuża lill-Gvern li mhux qed jieħu l-azzjonijiet meħtieġa fuq is-sigurtà, imbagħad, skont il-Partit Laburista, “ħareġ jattakka lill-Gvern" dwar id-deċiżjoni tiegħu dwar Schengen. Il-Partit Laburista qal li r-reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni turi  li l-aġenda tiegħu mhix l-interess u s-sigurtà tal-poplu iżda li jkun negattiv.