Malta se taħli aktar flus minħabba t-traffiku – KE

Il-Kumissjoni Ewropea (KE) qalet li l-ispiża għall-ekonomija tal-konġestjoni mistennija tkompli tiżdied.
Fir-rapport annwali tagħha dwar Malta, il-KE qalet li din l-ispiża hija bbażata fuq il-ħin li wieħed idum fit-traffiku, l-ispiża tal-fjuwil li wieħed jaħli fit-traffiku, u l-inċidenti. Din l-ispiża mistennija titla' sa €721 miljun sal-2025. Il-KE rrapurtat ukoll li t-tniġġiż tal-arja minħabba l-vetturi fit-toroq għadu għoli. Intqal li l-fatt li l-konġestjoni u ż-żieda fid-domanda għat-trasport qed jiżdiedu mhux qed itaffu s-sitwazzjoni.
Minkejja li l-Gvern qal li se jinvesti €700 miljun biex itejjeb it-toroq fuq medda ta’ seba' snin, il-KE nnotat li l-Gvern stess qal li l-ispiża ekonomika tal-konġestjoni se tonqos b’inqas minn 20%.
Fi kliem il-KE, il-problema tal-emissjonijiet hija waħda urġenti, speċjalment minħabba l-età tal-flotot tal-karozzi u ż-żieda tagħhom fit-toroq. Skont il-KE, it-Transport Malta m’għandhiex miri ċari dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030.
Però, il-KE rrimarkat li huwa tajjeb li karozzi ġodda li qed jinbiegħu f’Malta għandhom emissjonijiet tas-CO2 aktar baxxi mill-medja Ewropea.
Il-KE qalet li l-użu tal-karozzi tal-linja għadu ma’ laħaqx il-livelli tal-użu tal-karozzi privati. Madanakollu, il-KE qalet li kien hemm żieda fl-użu tat-trasport pubbliku mill-2013 l’hawn.
Fl-istess rapport il-KE kienet ikkumentat dwar kif il-barranin jieħdu xogħol il-Maltin minħabba nuqqas ta' ħiliet, u anke dwar in-nuqqas ta' ftehim bejn aġenziji ta' kontra l-korruzzjoni.