Malta se tagħti sehem attiv fis-summit dwar il-migrazzjoni

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta se tagħti sehem attiv fis-‘summit’ importanti tal-Ġnus Magħquda dwar il-migrazzjoni.
Waqt laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Ban Ki-moon fi New York, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li l-għajnuna għandha tingħata mhux biss lir-refuġjati li qed ifittxu ħajja aħjar imma anke lill-pajjiżi li qed isibu ma’ wiċċhom piż li ma jifilħux għalih.
Ban Ki-moon fisser li l-laqgħa għolja ta’ Settembru fil-fatt se tqajjem diskussjoni fuq kif tista’ tinqasam aħjar ir-responsabbiltà ta’ din l-isfida, b’ħarsa iktar globali.
Dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, Joseph Muscat tenna l-impenn ta’ Malta biex tikkontribwixxi għal soluzzjoni reali.
Il-Prim Ministru qal li fadal ħafna xi jsir għall-istabbiltà politika fil-Libja, li twassal għal serenità mhux biss f’dak il-pajjiż, iżda wkoll fir-reġjun u fl-Ewropa kollha.
Intant, Ban Ki-moon esprima l-apprezzament tiegħu lejn il-leadership li uriet Malta biex tpoġġi t-tibdil fil-klima fuq nett tal-aġenda waqt il-laqgħa tal-pajjiżi tal-Commonwealth, li ġiet organizzata fi tmiem is-sena li għaddiet f’pajjiżna.