Malta se tagħti €50,000 lil-Libanu

Għajnuna lill-poplu Libaniż wara l-isplużjoni li seħħet f'Bejrut.

beirut

Read in English.

Malta se tkun qed tagħti €50,000 mill-baġit uffiċjali tagħha lir-Repubblika Libaniża, wara l-isplużjoni li seħħet f’Bejrut.

Fi stqarrija, il-Gvern appella lill-komunità internazzjonali biex tingħata widen lis-sejħa mill-Gvern Libaniż għall-għajnuna mingħajr aktar dewmien. Saħaq li r-rispons ta’ emerġenza hu espressjoni ta’ solidarjetà sħiħa mal-gvern u mal-poplu Libaniż. Il-Gvern qed jittama li dan ir-rispons ifisser li għajnuna umanitarja globali tgħin lill-pajjiż biex jegħleb riperkussjonijiet distruttivi fl-iqsar żmien possibbli.

Skont rapporti, din l-isplużjoni qatlet mill-inqas mitt persuna, u darbet 4,000 oħra. Saret ukoll ħsara kosiderevoli fl-infrastruttura tal-belt. Mara li tgħix fil-Libanu u li tkellmet ma Newsbook.com.mt qalet li inqerdu 3 sptarijiet ewlenin flimkien mar-riżerva tal-qamħ f’Bejrut.

Din l-isplużjoni seħħet fi żmien fejn l-ekonomija kienet reġgħet bdiet tirpilja. It-tensjonijiet fil-Libanu huma għoljin ukoll minħabba li mistenni l-verdett tal-proċess dwar il-qtil tal-eks-PM Rafik Hariri li seħħ fl-2005. Nhar il-Ġimgħa li ġej, tribunal tan-Nazzjonijiet Magħquda għandu joħroġ il-verdett tiegħu fil-ġuri ta’ erba’ suspettati fil-qtil b’karozza bomba.