Malta se jkollha fabbrika tal-kannabis?

Il-Ministru għall-Investiment Chris Cardona ma kkonfermax u lanqas ċaħad jekk f’Malta hix se tinfetaħ fabbrika tal-kannabis għall-użu mediċinali.
Dan wara li l-Membru Parlamentari fl-Oppożizzjoni Godfrey Farrugia staqsa lil Dr Cardona jekk hemmx il-ħsieb li titwaqqaf fabbrika li tipproduċi l-mediċina kannabis mill-pjanta nnifisha taħt il-good manufacturing practice.
Għal dan Dr Cardona qal li l-informazzjoni li tidħlilha l-korporazzjoni Malta Enterprise hija kunfidenzjali.
F’mistoqsija separata, Dr Farrugia staqsa lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne jekk hemmx il-ħsieb li tiddaħħal mediċina li hi estratt tal-pjanta tal-kannabis.
Għal din id-domanda, Dr Fearne qal biss li l-applikant għal liċenzja tad-distribuzzjoni tal-mediċini għandu japplika mal-Awtorità tal-Liċenzji.
F’risposta għal mistoqsija oħra ta’ Dr Farrugia, Dr Fearne qal li ħadd ma twaqqaf mill-Port Health li ordnaw b’mod elettroniku l-kannabis għall-użu pesonali bejn l-2015 u Ġunju 2017.
F’mistoqsija separata, Dr Farrugia qal li pazjent jista’ jimporta għall-użu personali, mediċina sintetika tal-kannabis, permezz tal-aġent li jimporta l-mediċina, imbasta li din issegwi l-Good Manufacturing Practice (GMP). Huwa staqsa lil Dr Fearne jekk hux konxju li b’hekk tista tiġi impurtata mediċina waħda li tiswa €500 kull 10mls. Min-naħa tiegħu Dr Fearne talab lil Dr Farrugia biex jgħaddilu aktar informazzjoni dwar din il-mediċina.
Dr Fearne qal ukoll li speċjalista jista’  jitlob permess lill-Awtorità tal-Liċenzjar għal pazjent speċifiku biex idaħħal mediċina partikolari.