Malta se ddaħħal 18-il persuna maqbudin bejn sema u ilma

Sorsi qrib il-Gvern qalu li f’lejl wiehed biss kważi trippla l-għadd ta’ persuni trasferiti fuq bastimenti barra mill-kosta Maltija

AFM - Arkivji

Sorsi qrib il-Gvern qalu li bħala eċċezzjoni Malta se ddaħħal 18-il persuna li bħalissa jinsabu maqbudin bejn sema u ilma. Dan sabiex jiddaħħlu t-trabi, it-tfal u nisa tqal li jinsabu abbord diversi dgħajjes. It-trabi u t-tfal se jkunu akkumpanjati minn ġenitur.

Matul il-lejl li għadda Malta kkordinat is-salvatagg ta’ żewg dgħajjes, b’total ta’ 123 immigrant abbord, li kienu f’diffikultà fiż-żona ta’ salvataġġ ta’ Malta.

Il-Gvern Malti talab bastiment ieħor privat biex joħrog 13-il mil nawtiku barra mill-kosta Maltija biex fuqu jiġu trasferiti 105 immigranti. Dawn se jingħataw il-bżonnijiet bażiċi bhall-ikel, xorb u dawk mediċi.

Bil-pożizzjoni ta’ Malta u tal-Italja tibqa’ soda li l-portijiet tagħhom huma magħluqa, dan is-salvataġġ ifisser li iktar u iktar immigranti se jkunu fuq bastimenti barra l-ibħra territorjali ta’ Malta u tal-Italja.

Sorsi qrib il-Gvern qalu li fl-ewwel kaz, il-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) permezz tal-ekwipaġġ tal-P52, salvaw 45 persuna – 39 raġel, tliet nisa fosthom waħda tqila u 3 itfal fosthom tarbija ta’ 18-il xahar u oħra ta’ sentejn.

Fit-tieni każ, Malta użat lanċa tas-sajd privata biex issalva 78 immigrant – 68 raġel, ħames nisa fosthom waħda tqila u 5 itfal.

Dawn il-persuni se jitpoġġew taħt kwarantina fl-initial reception centre.

Din is-sitwazzjoni tfisser li f’lejl wieħed biss ittrippla n-numru ta’ persuni fuq bastimenti barra l-kosta Maltija jistennew l-awtoritajiet jiddeċiedu x’se jsir b’ħajjithom.

Hemm 57 immigrant fuq il-bastiment Europa II u issa se jkun hemm 105 immigrant ieħor fuq bastiment ieħor tal-Captain Morgan. Hemm ukoll 79 immigrant fuq il-bastiment Marina barra l-kosta ta’ Lampedusa.

L-unika ghajnuna ta’ rilokazzjoni li rċeviet Malta s’issa hija wegħda mill-Portugal li lesta taċċetta 6 immigranti.