“Malta qed twettaq l-obbligi tagħha mal-immigranti” – Il-Gvern

Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ċaħad akkużi li għamlet il-Membru Parlamentari Taljana u l-President tal-Kumitat Schengen, Laura Ravetto, meta qalet li Malta mhux qed tagħmel il-parti tagħha u qed tirrifjuta li tieħu immigranti li jkunu salvati viċin tagħha.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministeru qal li Malta fl-ebda ħin mhu qed tkun l-eqreb art u li l-operazzjonijiet kollha li jinvovlu l-immigranti qed iseħħu qrib ferm tal-kosta Libjana u mhux fiż-żona ta’ salvataġġ ta’ Malta.
F’kummenti ma’ Libero Quotidiano, Ravetto qalet li Malta qed tirrifjuta li toffri l-għajnuna u biex dgħajjes bl-immigranti jidħlu fil-portijiet tagħha.
F’artiklu ieħor, il-ġurnalist Niccolò Zancan, iddeskriva lil Malta bħala gżira sinjura iżda wkoll “l-aktar gżira fortifikata fl-Ewropa.
Mitlub jirreaġixxi, il-Ministeru ċaħad l-allegazzjonijiet u saħaq li Malta qatt ma naqset milli terfa’ r-responsabbilità kollha ta’ kordinament skont il-konvenzjonijiet internazzjonali.
Spjega li l-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) qed jipparteċipaw bi sħiħ u qed jimxu mal-proċeduri operattivi stabbiliti u maqbula mill-istati membri tal-UE.
Fakkar ukoll li l-FAM tagħti sapport kontinwu lill-Gwardja tal-Kosta Taljana u entitajiet oħra u li salvaw eluf ta’ persuni, waqt li għenu oħrajn biex jinġiebu Malta meta kellhom bżonn l-għajnuna medika urġenti.
Il-Ministeru ma jweġibx dwar “kollaborazzjoni informali” bejn Malta u l-Italja
Il-Ministeru ma weġibx dwar jekk għadx hemm “kollaborazzjoni informali” bejn Malta u l-Italja dwar l-immigranti li jaslu bid-dgħajjes u jkunu salvati fl-ibħra taż-żewġ pajjiżi.
Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministeru jikkonferma jekk dak li kien qal fl-2015 il-Ministru ta’ dak iż-żmien Carmelo Abela, jiġifieri li hemm “kollaborazzjoni informali” bejn Malta u l-Italja, għadux jeżisti u jekk għadu x’jinkludi.
Il-Ministru Abela kien qal dan ħabta u sabta f’konferenza tal-aħbarijiet, iżda dakinhar stess il-Ministeru kien qal li ma hemm l-ebda ftehim bejn Malta u l-Italja.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Gvern Taljan ħabbar li qed jikkunsidra jagħlaq il-portijiet tiegħu għad-dgħajjes ta’ immigranti jekk pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea mhux se jagħtu l-għajnuna tagħhom
Mistoqsi dwar jekk kienx hemm xi kommunikazzjoni bejn il-Gvern Malti u Taljan, il-Ministeru naqas milli jwieġeb.
Din is-sena, l-Italja laqgħet mat-80,000 immigrant li ġew salvati fil-Medittera. Laura Ravetto qalet li ħafna mill-immigranti ġew salvati viċin Malta u t-Tuneżija iżda xorta waħda ddaħħlu fil-portijiet Taljani ta’ Lampedusa u Salerno.
“Ir-responsabbilità tinsab f’idejn l-MRCC ta’ Ruma” – MOAS
Intant artiklu separat, ippubblikat fuq Blasting News, jikkundanna wkoll lill- Migrant Offshore Aid Station (MOAS), NGO bbażata f’Malta, li tgħin l-immigranti li jsibu ruħhom fi problemi fuq il-baħar waqt li jkun qed jipprovaw isibu ħajja aħjar.
L-artiklu jgħid li MOAS qed tonqos milli ssalva l-immigranti imma qatt ma twassalhom Malta.
Mistqosija jirreaġixxu, l-Uffiċċju Kommunikazzjoni tal-MOAS qal ma’ dan is-sit li ċ-Ċentru għall-Kordinament tas-Salvataġġ fuq il-Baħar (MRCC), li hu bbażat f’Ruma, ħa f’idejh ir-responsabbilità tal-kordinament tas-salvataġġ fiż-żona li topera.
Għalhekk mhux MOAS tiddeċiedi f’liema port jiddaħħlu l-immigranti iżda l-MRCC stess.
MOAS spjegaw li meta jsalvaw dgħajsa bl-immigranti, qatt ma għamlu kuntatt mill-ewwel mal-awtoritajiet responsabbli Maltin għax dan mhux il-prassi skont dak stabbilit mill-MRCC f’Ruma.
Ilbieraħ fi Strasburgu, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva lill-Ewropa bħala falliment quddiem l-immigrazzjoni.
Waqs sessjoni li ddiskutiet il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-PM stqarr li hu jerfa’ r-responsabbiltà għall-fjask tal-immigrazzjoni, imma spjega li l-problema qiegħda fil-Kunsill Ewropew, u mhux tort tal-Kummissjoni Ewropea jew tal-Parlament Ewropew.
Il-Prim Ministru appella lill-Kunsill Ewropew biex jasal għal dibattitu onest dwar l-immigrazzjoni.