Malta qed ‘tixjieħ’

Il-popolazzjoni f’Malta qed ‘tixjieħ’, bl-età medja, f’20 sena, tiżdied b’sitt snin u nofs.
Din hi kważi mal-medja tal-UE, li wkoll fl-istess snin rat żieda fl-età medja, b’sitt snin hekk kif it-28 pajjiż ‘kibru’ ftit fl-età. L-inqas żieda fl-età medja kienet l-Iżvezja, b’sentejn u nofs, bil-Litwanja fuq in-naħa l-oħra tal-munita, b’żieda ta’ kważi 9 snin.
Dan joħroġ minn ċifri ppublikati mill-Eurostat, dwar min huma l-popli fl-UE u kif jgħixu.
Mill-istatistika joħroġ ukoll li f’dar minn kull tlieta fl-UE tgħix persuna weħidha. F’Malta, ir-rata hi ta’ ftit iktar minn dar minn kull erbgħa, b’iktar minn nofshom ikollhom 65 sena jew iktar (52%).
Iċ-ċifri qiesu wkoll il-familji fl-UE, b’Malta tkun fir-raba’ post fl-UE ta’ familji magħmula minn persuni miżżewġa, wara Ċipru, il-Greċja u r-Rumanija li kollha qabżu t-80%.
B’kuntrast, fl-Estonja u l-Latvja, għandhom biss ftit iktar minn nofs dawk li jiffurmaw familja u li huma miżżewġa.
Malta taqbeż bi ftit il-medja Ewropea dwar il-persentaġġ ta’ familji b’ġenitur wieħed (Malta: 16.5%, UE: 16%), b’85% minnhom ikunu magħmula minn ommijiet.