The Daphne Project: Malta qed titlef il-flus mill-kuntratt tal-gass – Esperti barranin

Il-Maltin qed jitilfu ħafna flus b’rata mgħaġġla minħabba kif inhu l-kuntratt tal-gass skont esperti barranin.
Bħala parti minn The Daphne Project, il-ġurnalista Juliette Garside minn The Guardian qalet li skont esperti, jista’ jkun li l-Maltin qed jitilfu għexieren ta’ miljuni ta’ dollari fis-sena minħabba  l-ftehim tal-enerġija mal-Azerbajġan.
Whistleblower għadda numru ta’ dokumenti lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li nqatlet fi splużjoni f’Ottubru li għadda. Għalkemm ma kienx irnexxiela tlesti r-rapportaġġ tagħha 45 ġurnalist qed ikomplu xogħolha.
Skont ir-rapport ta' Garside, tliet esperti tal-enerġija f’Londra eżaminaw id-dokumenti li jinkludu informazzjoni dwar il-prezzijiet li l-Prim Ministru Joseph Muscat irrifjuta li jippubblika.
Il-materjal jinkludi ftehim li jiswa’ €1 biljun li jorbot lil Malta li tixtri l-gass LNG mill-kumpanija SOCAR għall-10 snin li ġejjin. Is-SOCAR hija kumpanija li s-sid tagħha huwa l-istat tal-Ażerbajġan.
"Il-Maltin qed jitilfu l-flus" – espert
Skont espert li xtaq jibqa’ anonimu, l-Maltin qed jitilfu l-flus u l-Gvern għandu jerġa’ jinnegozja l-ftehim.
Sa’ Marzu tal-2018, Malta ħallset lil SOCAR €131.6 miljun għall-gass – id-doppju tal-prezz tas-suq.
Is-SOCAR tixtri l-gass mill-kumpanija Shell skont prezz li jvarja kuljum. Is-SOCAR imbagħad tbigħ il-gass lil Malta b’rata fissa għal profitt.
Simon Pirani, riċerkatur fl-Istitut tal-Istudji dwar l-Enerġija ta’ Oxford qal li kieku kien ċittadin Malti kien ikun irid ikun jaf għalfejn ġie ffirmat kuntratt daqshekk ħażin.
S’issa l-Maltin ma kinux jafu dwar il-profitt li qed tagħmel is-SOCAR peress li l-Gvern ma ppubblikax il-kuntratti sħaħ.
Il-prezzijiet taż-żejt u tal-gass waqgħu bejn l-2014 u l-2016. Madanakollu, skont ir-rapport, Malta ma setgħetx tipprevedi dan. Skont l-informazzjoni li għandhom il-ġurnalisti ta’ The Daphne Project, mhemmx evidenza ta’ illegalitajiet mill-partijiet konċernati.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal mal-ġurnalisti li dan il-perjodu ta’ ħames snin kien wieħed għaqli peress li s-sigurtà tal-provvista u tal-prezz hija importantissima.
Skont Deputati tal-Oppożizzjoni, Nazzjonalista, in-nuqqas ta’ transparenza fil-kuntratti xekklu milli jsir skrutinju tagħhom.
Tliet speċjalisti tal-enerġija li raw il-kuntratti esprimew tħassib dwar it-tul tal-perjodu li fih Malta se tixtri l-gass bi prezz fiss. Pirani, l-espert minn Oxford qal li l-arranġament kien wieħed “stramb”.
Espert ieħor li xtaq jibqa’ anonimu qal li din kienet l-ewwel darba li sema’ li sar ftehim għal perjodu ta’ ħames snin.
Il-Kummissjoni Ewropea kienet approvat il-ftehim f’Jannar tal-2017.
Il-ġurnalisti qalu wkoll li għandhom f’idejhom dokument minn kumpanija li nħatret mill-Electrogas biex tanalizza l-ispiża tal-ftehim. Din il-kumpanija qalet li l-arranġament mas-SOCAR kien wieħed stramb.
The Daphne Project huwa magħmul minn konsorzju ta’ 45 ġurnalist minn 18-il organizzazzjoni tal-midja madwar id-dinja, fosthom it-Times of Malta.