Malta qed tirriskja kawża oħra – Birdlife

BirdLife Malta

Il-BirdLife Malta qalet li bil-ftuħ ta’ staġun tal-insib għall-Pluviera u l-Malvizz, Malta se tkun qed tirriskja kawża oħra kontriha mill-Unjoni Ewropea (UE).

Fi stqarrija l-BirdLife fakkret fil-verdett tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) li qalet li Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont il-liġijiet tal-UE meta ppermettiet l-insib għall-għasafar tal-għana.

Waqt laqgħa, il-Kumitat Ornis approva l-proposta tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) biex il-Kumitat jirrakkomanda l-applikazzjoni ta’ deroga mid-Direttiva Ewropea tal-Għasafar lill-Gvern, biex fil-Ħarifa jkun permess l-insib għall-Pluvieri u l-Imlievez.

Waqt din il-laqgħa l-BirdLife kienet l-unika organizzazzjoni li vvutat kontra d-deroga.

BirdLife Malta fakkret lill-membri tal-Ornis li s-sentenza tal-Qorti Ewropea fuq l-insib għall-għasafar tal-għana għandha implikazzjonijiet diretti fuq l-insib għal kull speċi oħra, speċjalment meta l-istess deroga li qed tiġi diskussa (dik tal-Pluviera u l-Malvizz) diġà hija soġġetta għal proċeduri ta’ ksur.

Skont l-għaqda, l-Avukat Ġenerali identifika numru ta’ riskji li jġib miegħu l-ftuħ ta’ staġun tal-insib din is-sena wara l-verdett tal-ECJ. Uħud mir-riskji huma dwar ix-xbieki li jintużaw.

L-FKNK qed tissuġġerixxi xbieki b’ħoloq akbar. Il-BirdLife qalet li dan xorta ma jeliminax il-metodoloġija mhux selettiva, għax jistgħu jinqabdu għasafar protetti oħra tal-istess daqs jew li jkunu ikbar mill-Pluvieri u l-Imlievez.

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) esprimiet ukoll il-preokkupazzjoni tagħha dwar l-ammont ta’ xbieki li se jintużaw matul l-istaġun, li l-verdett tal-Qorti Ewropea identifika bħala sors ta’ qbid aċċidentali ta’ annimali oħrajn.

Il-BirdLife Malta qalet ukoll li l-Kumitat għadu lanqas biss ikkonsulta mal-Korp tal-Pulizija dwar l-infurzar.

Id-deċiżjoni finali issa tinsab f’idejn il-Ministru għall-Ambjent u l-Prim Ministru.