Malta qed tikser il-liġijiet internazzjonali dwar l-immigranti – Amnesty International

L-organizazzjoni internazzjonali għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem Amnesty International qalet li Malta ċaħdet ir-rabta li teżisti bejn l-obbligazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tfittxija u salvataġġ u l-obbligi umanitarji f’rapport li għadu kif ġie ppubblikat mill-istess għaqda.

Ir-rapport jġib l-isem “Between the devil and the deep blue sea. Europe fails refugees and migrants in the Central Mediterranean.” Amnesty International jiddeskrivi l-policies bħala devastanti u li rriżultaw f’iktar minn 721 persuna jmutu fil-baħar Mediterran Ċentrali. L-għaqda saħqet li r-refuġjati u l-immigranti huma esposti għat-torturi u l-abuż fil-Libja.

Malta ma daħlitx f’liġijiet tagħha emendi li saru fl-2004 għall-konvenzjoni magħrufa bħala SOLAS kif ukoll il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimu għalhekk skont ir-rapport dan jaf jwassal għall-ksur tal-obbligi li Malta għandha taħt il-liġi internazzjonali u li jistgħu jiġu kemm mill-liġi internazzjonali kif ukoll dik Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem. L-Amnesty International tirreferi għall-każ ta’ Hirsi Jamaa u s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. 

L-għaqda irreferiet għal differenzi li jeżistu fil-liġijiet hekk kif huma applikati mill-Italja u minn Malta li jwasslu għal diżgwit bejn iż-żewġ pajjiżi. Bħala eżempju, l-Amnesty International issemmi l-każ ta’ Sarost 5 li fuqu kien hemm 40 ruħ li ġew salvati mill-għarqa fiż-żona tat-tfittxija u salvataġġ Maltija. L-awtoritajiet Maltin idderiġew lill-bastiment l-barra miż-żona Maltija lejn it-Tunisia. Ir-rapport jgħid li għalkemm Malta kkordinat is-salvataġġ ma offriet port sigur għal dawk salvati u naqset milli tagħti ċ-ċans li dawk salvati l-opportunità biex japplikaw għall-ażil. It-Tunisia ma għandix qafas nazzjonali biex wieħed jitlob ażil fil-pajjiż kif ukoll ċertu gruppi huma taħt theddida fit-Tuneżija għalhekk ma għandiex tiġi kkunsidrata bħala post sigur.

Fir-rapport tagħha, l-għaqda Amnesty International saħqet li l-pajjiżi u l-instituzzjonijiet Ewropej għandhom jaħdmu biex ħadd ma jitlef ħajtu waqt li jkun qed jaqsam il-baħar. L-għaqda stqarret li hemm bżonn ta’ mekkaniżmu li jagħmel id-distribuzzjoni ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil u l-immigranti wieħed mandatorju bejn il-pajjiżi Ewropej minflok ir-regoli li jeżistu bħalissa u li jiġi żgurat li persuni li jiġu salvati ma jinbgħatux lura l-Libja.

Aqra iktar dwar dan hawn.