“Malta qed tikseb dak li fuq il-karta hu impossibbli” – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta hu pajjiż speċjali li qed jikseb dak li fuq il-karta hu impossibbli li jseħħ.
Waqt attività politika f’Raħal Ġdid, il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar hu ċar li l-għażla li għandu quddiemu l-poplu fix-xhur li ġejjin hi bejn viżjonijiet differenti ta’ pajjiż, ta’ Gvern u ta’ idea ta’ dak li l-Gvern irid jagħmel u fejn irid jasal.
Dr Muscat qal li Malta mhux pajjiż normali, u l-istorja turina dan. Saħaq li miljuni ta’ nies għandhom ir-riżorsi, għandhom l-art u faċilitajiet kemm trid u minkejja dan, matul dawn is-snin kollha, ma kisbux nofs is-suċċess li kisbet Malta.
Joseph Muscat qal li Malta ma tistax tikkuntenta ruħha bil-medjokrità u qal li rridu nkunu kapaċi nimbuttaw ‘il quddiem il-fruntieri tal-ħsibijiet tagħna. Sostna li l-Gvern Laburista kien ambiżjuż f’miżuri bħat-tablets b’xejn li qed jitqassmu għandu l-istudenti. Semma wkoll kif qabel fil-qasam tas-saħħa konna nikkuntentaw b’mediċini out of stock, u llum il-ġurnata n-normalità hi li tieħu dak li hu tiegħek bi dritt.
Il-Mexxej Laburista semma wkoll kif il-Gvern se jkun qed idaħħal €60 miljun mill-art fil-bajja ta’ San Ġorġ, li hi l-ikbar ammont li Gvern Malti qatt daħħal. Saħaq li din saret permezz ta’ stima indipendenti, magħmula min-nies professjonisti u mingħajr indħil. Qal li hemm differenza enormi bejn il-prezz tal-bejgħ tal-art fil-bajja ta’ San Ġorġ u l-prezzijiet ta’ kif kienu jibgiegħu artijiet bħal dik fi Smart City, fejn dak li llum irid jagħti l-lezzjonijiet, kien biegħ Smart City għal 40ċ għal kull metru kwadru.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Oppożizzjoni qed tkun effettiva biex tgħid x’inhuma l-problemi, iżda l-poplu jafda lill-Gvern Laburista biex iwettaq is-soluzzjonijiet.
Reazzjoni Partit Nazzjonalista
B'reazzjoni l-PN qal li l-korruzzjoni hi l-uniku speċjalità ta' dan il-Gvern li tagħmel lil Malta mhux normali. Sostna li r-raġuni għalfejn qed nidhru fuq il-mappa internazzjonali hi li dan hi l-iktar Gvern korrott fl-istorja ta' Malta, tant li llum Malta tinsab, għar-raġunijiet il-ħżiena, fuq il-mappa ta' Transparency International u tal-Panama Papers.