“Malta qed tiffaċċja sfidi kbar fil-qasam tat-trasport pubbliku” – il-Ministru Joe Mizzi

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li Malta bħalissa qed tiffaċċja sfidi kbar fil-qasam tat-trasport pubbliku. Huwa qal dan waqt li ndirizza forum dwar it-Trasport, l-Affarijiet Marittimi u l-Komunikazzjoni li sar f’Istanbul fit-Turkija u li għalih attendew diversi ministri mis-settur tat-trasport u dak marittimu.

Fi tmiem dan il-forum, il-Ministri għat-Trasport ħarġu bi stqarrija konġunta li tirrikonoxxi l-bżonn dejjem akbar li jiġu mgħarbla metodi innovattivi għal sistemi ta’ transport nazzjonali li jħarsu l-iżvilupp sostenibbli filwaqt li joffru servizz ta’ trasport li jkun effiċjenti.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi saħaq dwar l-importanza tal-investiment kapitali fis-settur tat-trasport, li qal irid ikun akkumpanjat mill-pariri tal-esperti tekniċi. Qal li s-sistemi tat-trasport huma tant importanti li għandhom impatt fuq l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż.

Kompla jgħid li Malta għad ma għandhiex indikaturi nazzjonali fil-qasam tat-trasport u sostna li strateġija ta’ trasport m’hijiex waħda li tkopri biss it-toroq, il-ħsejjes, it-traffiku, l-emissjonijiet u l-użu tal-fjuwil.

Il-Ministru Mizzi spjega li l-gvern Malti qiegħed iwettaq l-istrateġija tiegħu tat-trasport b’mod integrat u ħolistiku billi jinvolvi lill-ministeri oħra u lil dawk kollha involuti f’dan is-settur.