Malta ppreparata għall-Ebola iżda r-riskju huwa baxx – Chris Fearne

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-Saħħa, Chris Fearne qal li l-Awtoritajiet Maltin qed jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa dwar il-virus tal-Ebola.
Huwa qal dan waqt laqgħa mal-midja li fiha ngħataw dettalji dwar il-prekawzjonijiet li qed jittieħdu.
Chris Fearne qal li r-riskju li l-virus jasal f’Malta huwa żgħir iżda fl-istess ħin il-Gvern qed isegwi dak li qed jiġri fil-pajjiżi milquta fil-punent tal-Afrika.
Sostna li fil-possibilità li persuna bl-Ebola tidħol f’Malta, l-isptar jinsab ippreparat u qed jittieħdu l-miżuri kollha biex jingħata l-aħjar trattament jekk il-virus jinfirex fil-pajjiż.
Wara li l-imwiet li seħħew fil-Liberja, Sjerra Leon u l-Ginea, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat il-virus tal-Ebola bħala theddida għall-komunità internazzjonali.
F’Malta qed jittieħdu l-miżuri meħtieġa skont ir-rakkomandazzjonijiet tad-WHO.
L-Ebola hija waħda mill-iktar mard kiefer fost il-bniedem, bir-rata tal-imwiet tlaħħaq sad-90% iżda t-trattament mediku li jingħata fl-Ewropa qed iħalli riżultati tajbin.
Fix-xhur li għaddew, Kelliem għas-Segretarjat Parlamentari għas-Saħħa kien qal ma’ Newsbook.com.mt li għalkemm m’hawnx każ ta’ Ebola f’Malta, hawn biżżejjed għarfien.
Qal li t-tobba Maltin huma infurmati sewwa x’azzjoni għandha tittieħed f’każ li jkun hawn xi suspett.