Malta pass eqreb lejn ġenerazzjoni ta’ enerġija ħadra

Read in English.

Malta pass eqreb biex titbiegħed minn għexieren ta’ snin ta’ dipendenza predominanti fuq ir-rimi fil-miżbliet u tersaq lejn ġenerazzjoni ta’ enerġija ħadra.

FCCMA-Hitachi JV Malta, Urbaser-Terna u Consortium Suez – Tecnimont – Termomeccanica huma t-tliet offerenti magħżula tal-Kwestjonarju ta’ Qabel il-Kwalifikazzjoni għall-impjant Waste to Energy tal-WasteServ. Hekk kif jiġi konkluż il-perjodu tal-appelli, l-offerenti magħżula jiġu mistiedna għall-istadju tal-akkwist li jmiss, l-Istedina biex Tipparteċipa fid-Djalogu (ITPD), u wara jiġu mitluba jagħmlu offerta fid-dokument finali tat-tender kompetittiv.

WasteServ tixtieq turi l-apprezzament tagħha għall-operaturi ekonomiċi kollha li wrew interess u pparteċipaw f’dan il-proċess ta’ akkwist li ġibed offerti qawwija ħafna.  It-tliet offerenti li ġabu l-iktar punti intgħażlu u dawn għandhom portafolli impressjonanti. L-eżerċizzju ta’ punteġġ kien ibbażat fuq kriterji kwantifikabbli stabbiliti minn qabel li kienu relatati mal-pożizzjoni finanzjarja u ekonomika, l-esperjenza u l-kompetenza tal-offerenti fir rigward tat-tlestija ta’ dan il-proġett. Il-gruppi magħżula għandhom muskolu finanzjarju u tekniku qawwi ħafna u għandhom esperjenza vasta f’impjanti Waste to Energy. Dan jagħti lil Malta ċertezza qawwija li l-proġett se jitwassal b’mod impekkabbli u għal standards ta’ l-għola livell.

L-Impjant Waste to Energy se jipprovdi servizz ambjentali essenzjali billi jikkonverti skart destinat għal miżbla f’enerġija ħadra. Għalhekk, dan l-impjant se jikkonverti skart li ma jistax jiġi riċiklat f’riżorsi prezzjużi u jżid total impressjonanti ta’ 4.5% t’ enerġija ħadra mat-total preżenti t’ enerġija ta’ Malta.

Il-kredenzjali tal-immaniġġjar tal-iskart tal-impjant huma b’saħħithom waħidhom, madankollu jeħtieġ li jitqiesu bħala parti minn strateġija olistika li qed tiġi implimentata fil-kumpless ECOHIVE. Il-Impjant ġdid ta’ riċiklaġġ u l-Impjant tal-Ipproċessar ta’ Skart Organiku bħalissa jinsabu fl-istadju tad-disinn u bħalissa fis-suq hemm ukoll sejħiet għall-iskavar ta’ miżbla ġdida kkontrollata u għall-istudji għal faċilità ġdida ta’ Inċiineratur. Barra minn hekk, is-suq qed jiġi ukoll kkonsultat fuq sistema ta’ trasport green u fissa għall-iskart fil-kumpless u din is-sejħa għandha miftuħa sal-bidu ta’ Jannar 2021. Aktar dettalji dwar dawn il-proċessi jistgħu jinkisbu minn fuq ecohive.com.mt.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Richard Bilocca rringrazzja lit-tim li ħadem bla waqfien lejn dawn l-għanijiet id f’id ma’ uffiċjali mid-Dipartiment tal-Kuntratti, filwaqt li fl-istess ħin assigura li l-aħjar soluzzjonijiet lejn ekonomija ċirkolari qed jintlaħqu. L-investimenti ppjanati, l-akbar fl-istorja ta’ Malta, fl-aħħar se jpoġġu lil Malta fuq quddiem nett fl-immaniġġjar tal-iskart u se jġibu wkoll benefiċċji ambjentali konsiderevoli, speċjalment għar-residenti, kif ukoll attivitajiet kummerċjali madwar iż-żona tal-Maghtab.

Il-kuntratt tal-Waste to Energy se jinkludi d-disinn u l-kostruzzjoni tal-faċilità; stmat fir-reġjun ta’ EUR 160 sa 190 miljun, u l-ikkummissjonar u l-operat tiegħu għal perjodu ta’ 20 sena b’ nefqa finanzjarja oħra ta’ EUR 200 miljun. L-impjant huwa mistenni li jibda jaħdem f’madwar tlett (3) snin.

Din ir-reviżjoni infrastrutturali se tkun appoġġata wkoll bi strateġija ġdida għall-immaniġġjar tal-iskart li l-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar dalwaqt se jħabbar, b’miżuri konkreti li jibdew mill-prevenzjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid, is-separazzjoni u r-riċiklaġġ potenzjali tiegħu.

Dan it-tag]rif twassal minn Wasteserv.