Malta ordnata tħallas nofs miljun lill-eredi tal-Markiż Scicluna għad-danni

Read in English.

L-Istat Malti ġie ordnat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex iħallas nofs miljun lill-familji nobbli Marshall u Ramsay Pergola għad-danni, rigward propjetajiet tagħhom fil-Belt Valletta.

Il-Qorti ta’ Strasburgu sabet li l-Istat kiser id-dritt tat-tgawdija tal-propjetà u d-dritt għal smigħ ġust minħabba tul eċċessiv tal-proċeduri, f’każ li dam sejjer 42 sena. L-applikanti lmentaw dwar in-nuqqas ta’ effettività fil-proċeduri kostituzzjonali, b’rabta mal-ksur tad-drittijiet tagħhom għall-propjetà u għat-tul tal-proċeduri.

L-eredi tal-Markiż Edward Scicluna huma sidien ta’ propjetà li għal għexieren ta’ snin kienet suġġetta għall-kera b’reġim ta’ “kera protetta.” L-applikanti huma sidien ta’ propjetajiet kummerċjali fil-Pjazza San Ġorġ u fi Strada Stretta fil-Belt Valletta. Il-propjetajiet fi Pjazza San Ġorġ kienu nkrew lil Scicluna’s Bank għal għaxar snin, filwaqt li l-propjetà ta’ Strada Stretta kienet inkorporata fil-kuntratt tal-kera użat minn Scicluna’s Bank li kellu jiġġedded kull sena.

Il-bank imbagħad kien ingħaqad fi sħab mal-Bank Nazzjonali ta’ Malta, u l-kuntratt tal-kera ġġedded. Dan stipula li l-bank jintuża minn Scicluna’s Bank u ma setax jinkera għal raġunijiet oħra.

Il-Bank Nazzjonali ta’ Malta li sar nazzjonalizzat fl-1974 mill-Gvern Malti. Is-sidien oġġezzjonaw għat-trasferiment għax qiesu dan ksur tal-kuntratt. Fl-1989, l-applikanti fetħu każ fil-Qorti Ċivili biex jerġgħu jieħdu l-pussess tal-propjetà.

Fl-2016, il-Qorti sabet li fil-proċeduri li bdew f’Novembru tal-2010 kien hemm ksur ta’ Artiklu 6 tal-Konvenzjoni minħabba t-tul tal-proċeduri ċivili, u ksur ta’ Artiklu 1 ta’ Protokoll Nru 1 minħabba l-kera li rċivew, u l-applikanti ħadu miljun ewro. Meta sar l-appell, il-Qorti Kostituzzjonali laqgħet l-ewwel ġudizzju imma naqqset il-kumpens għal €25,000. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell qalet li sabet li l-kera favur il-Bank kienet protetta taħt Kapitlu 69 sal-2028.

L-applikanti mbagħad ilmentaw fuq nuqqas ta’ rimedju, dwar it-tul tal-proċeduri u l-assenza ta’ soluzzjoni effettiva.

Huma ngħataw €500,000 għad-dannu u €16,000 għall-ispejjeż, li l-Gvern irid iħallas fi żmien tliet xhur.