Malta ordnata tħallas €226,000 lill-eks ħaddiema tat-tarzna

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ordnat lill-Gvern Malti jħallas kumpens ta’ €226,000 lil 21 eks ħaddiem tat-tarzna li kienu esposti għall-asbestos bejn l-1968 u l-2003.
Il-Qorti qalet li Malta kisret id-dritt għall-ħajja u d-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u fil-familja ta’ dawn il-ħaddiema. Dan meta ma ttieħdux il-passi biex tkun imħarsa il-ħajja ta’ dawn in-nies, waqt li kienu esposti għall-asbestos għal numru ta’ snin.
L-eks ħaddiema, li ressqu ħames kawżi bejniethom, sofrew minn kundizzjonijiet marbuta mal-asbestos u wieħed minnhom miet minn kanċer marbut mal-asbestos.
Huma qalu, li flimkien mal-qraba tagħhom, kienu esposti b’mod regolari għall-asbestos meta kienu jsewwu makkinarju tal-vapuri li kien imdawwar bl-asbestos.
Fil-Qorti Ewropea, l-eks ħaddiema tat-tarzna qalu li, minkejja li l-awtoritajiet kienu ilhom jafu mill-1938 bir-rabta bejn l-asbestos u mard tan-nifs, dawn ma nfurmawx lill-ħaddiema dwar ir-riskji tal-asbestos. Qalu li l-Gvern ma ħax passi biex jelimina l-asbestos u lanqas ingħataw protezzjoni mill-perikli.
Il-Qorti qalet li l-liġi tal-1987 ma kinitx tirregola biżżejjed xogħol li jsir f’ambjent fejn hemm l-asbestos u lanqas tipproteġi l-ħaddiema b’mod prattiku, meta ħajjithom kienet f’riskju.