Malta ntlaqtet minn influwenzi kontra l-Iżlam li qed iġibu l-firda – Kummissjoni Ġustizzja u Paċi

Read in English.

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li Malta ntlaqtet minn influwenzi kontra l-Iżlam li qed iġibu l-firda.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni qalet li wara li rat żieda fl-appoġġ lejn movimenti tal-lemin estrem ħasset il-bżonn li titkellem dwar id-dmir tal-Kattoliċi li jirreżistu politika ta’ mibegħda u esklużjoni. Il-Kummissjoni rreferiet ukoll għal dak li qal il-Gwardjan għall-Ġenerazzjonijiet Futuri li skont il-Kummissjoni sejjaħ għall-esklużjoni tal-immigranti u tal-Musulmani u qal li jixtieq jgħix u jmut f’pajjiż kattoliku.

Skont il-Kummissjoni, madwar id-dinja qed jinbtu forom ta’ politika ta’ esklużjoni. Qalet li dan huwa t-tort ta’ biżgħat u tħassib dwar il-bidliet kulturali u r-retorika Iżlamofobika.

“Sfortunatament, Malta ntlaqtet ukoll minn dawn l-influwenzi perikolużi li qegħdin jifirdu soċjetajiet sħaħ,” qalet il-Kummissjoni.

Fi kliem il-Kummissjoni, din in-narrattiva m’għandha l-ebda bażi filosofika u teoloġika fit-tradizzjoni Nisranija. Qalet li bil-kontra, t-tradizzjoni hija bbażata fuq is-solidarjetà.

Il-Kummissjoni qalet li l-prinċipju tal-ġid komuni kif maħsub fit-tagħlim soċjali tal-Knisja Kattolika jisfida fundamentalment kultura li tipprijoritizza l-interess personali fuq is-solidarjetà mal-batut u l-imwarrab jew li jħares biss l-interessi tal-pajjiż fuq l-interess dinji.

Il-Kummissjoni fakkret fi kliem il-Papa Franġisku fis-Sessjoni Plenarja tal-Akkademja Pontifikali tax-Xjenzi fejn iddikjara li l-immigranti mhumiex theddida għall-kultura, tradizzjoni, u valuri tan-nazzjon li jilqagħhom. Il-Papa fakkar li d-dmir tal-Insara lejn l-immigranti jista’ jingħad permezz ta’ erba’ kelmiet: merħba, protezzjoni, promozzjoni, u integrazzjoni.

Qalet li ż-żminijiet tal-lum jitolbu għal difiża qawwija tal-identità Kattolika, identità li għexet f’reżistenza kreattiva, leali, u mimlija tama. Qalet li hija identità b’għeruqha fl-imħabba.