Malta mitluba żżid il-kontribuzzjoni lill-UE bi €13-il miljun

Malta ntalbet iżżid il-kontribuzzjoni tagħha lill-UE bi 13-il miljun.
Il-ħlas mitlub hu b’lura għaliex l-ekonomija fl-aħħar snin marret aħjar minn kif kienet mistennija.
Il-ħlas isegwi reviżjoni fil-kalkoli ta’ kemm għandu jagħti kull pajjiż, u dan skont il-medja tal-pagi li jitħallsu fil-pajjiż qabel it-taxxa. Il-Eurostat dan l-aħħar aġġornat l-istatistika tagħha dwar ir-riżultati ekonomiċi tal-pajjiżi membri mill-1995 ’il quddiem.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat, fi Brussell, qal li Malta mhix sorpriża dwar dan imma qed titlob spjegazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.
Qal ukoll li l-Gvern kien diġà ħaseb għal din l-ispiża u għalhekk ma taffettwax il-pjanijiet tal-Baġit.
L-agħar li mar kien ir-Renju Unit li qed jintalab ħlas b’lura ta’ €2.1 biljun, l-Olanda li ntalbet tikkontribwixxi 700 miljun u l-Italja, €340 miljun. 
Franza u l-Ġermanja min-naħa l-oħra għandhom jirċievu ħlas biex ipattu għal kemm ħallsu flus żejda matul is-snin. 
Ritratt: DOI Malta – Jeremy Wonnacott