Malta mistennija titlob lura s-sinna ta’ kelb il-baħar mogħtija lill-Prinċep George

Malta qed tippjana li ġġib lura sinna fossili ta’ kelb il-baħar li David Attenborough ta lill-Prinċep George, hekk kif ix-xandar u storiku kixef li kien sab din is-sinna f’Malta waqt btala fis-snin sittin.

Ir-rigal sar fi żjara li Attenborough għamel f’Kensington Palace, ir-residenza tal-Prinċep William, id-Dukessa Kate u t-tfal tagħhom. Fil-paġna tagħha, il-familja rjali spjegat li Attenborough kien sab il-fossili tas-sinna tal-megalodon – kelb il-baħar ġgant li hu maħsub li kien jilħaq tul ta’ 15-il metru – fil-franka Maltija, u li din il-fossili għandha madwar 23 miljun sena.

Però, f’kummenti li ta lit-Times of Malta, il-Ministru għall-Kultura José Herrera qal li qed jimmira li jibda l-proċess biex is-sinna tiġi rritornata lura Malta bħala parti mill-wirt naturali tagħha.

Il-kummenti ta’ Herrera spiċċaw fuq ħafna media internazzjonali, u l-kritika ma naqsitx.

Il-ġurnalist Matthew Caruana Galizia qal li meta sema bir-rigal ilbieraħ, kien qed jimmagina li jinkiteb artiklu satiriku fuq kif Malta kienet qed titlob li s-sinna tiġi lura Malta. Però l-istorja ma spiċċatx fuq Bis-Serjetà imma fuq Reuters u CNN.

“Il-Ministru José Herrera qed jissielet biex fossili tittieħed minn tfajjel f’pajjiż ieħor. Imma fuq il-miljuni misruqa minn Schembri u Fenech ma jsib xejn xi jgħid,” qal Caruana Galizia. “Għala ma jistaqsix li jingħataw lura dawn minflok?”

Yesterday I was imagining that Karl Stennienibarra was going to publish an article about Malta asking for the shark…

Posted by Matthew Caruana Galizia on Monday, September 28, 2020