Malta mistennija taqla’ tbeżbiża minn Brussell dwar it-taxxi

Malta mistennija tiffaċċja kritika minn Brussell dwar politiki tat-taxxa “aggressivi” skont il-Kummissarju għall-Ekonomija Pierre Moscovici.
Skont l-AFP, seba' pajjiżi tal-Unjoni Ewropea se jlaqqtu kritika dwar is-sistemi tat-taxxi tagħhom li jaffetwaw b’mod negattiv lil pajjiżi oħra tal-UE.
Intqal li l-Kummissjoni Ewropea se taqta’ sentenza ħarxa fir-rapport regolari tagħha dwar l-ekonomija tal-istati membri tal-unjoni.
Moscovici qal li għall-ewwel darba l-Kumissjoni qed titkellem dwar il-kwistjoni tal-ippjanar  aggressiv tat-tassazzjoni fil-Belġju, iċ-Ċipru, l-Ungarija, fl-Irlanda, fil-Lussemburgu, f’Malta, u fin-Netherlands.
Żied jgħid li l-prattiċi ta’ dawn il-pajjiżi ma jippermettux livell ugwali fis-suq intern. Qal ukoll li dawn il-prattiċi qed iżidu piż fuq dawk li jħallsu t-taxxa fl-UE.
Skont l-AFP, numru ta’ pajjiżi li sfaw fil-mira ta’ Brussell joffru skemi tat-taxxa kkumplikati li jgħinu kumpaniji kbar biex jevitaw milli jħallsu kontijiet kbar tat-taxxa. Dawn il-kumpaniji jinkludu Facebook, Google, Apple.