Malta mistennija tagħżel il-ħin tas-sajf

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Helena Dalli qalet li hemm il-possibilità li kull pajjiż jagħżel il-ħin tiegħu, b’Malta mistennija tagħżel dak tas-sajf.

Fil-Parlament, il-Ministru qalet li l-pass li jmiss għat-tibdil għal ħin tas-sajf matul is-sena kollha, issa hu f’idejn il-Kummissjoni Ewropea li trid tevalwa l-konsultazzjoni wiesgħa li saret mill-pajjiiżi membri kollha biex tittieħed deċiżjoni finali.

Waqt li kienet qed twieġeb mistoqsija supplementari tad-deputat Laburista Byron Camilleri, il-Ministru qalet li hemm possibilità li kull pajjiż jagħżel il-ħin tiegħu.

Hija qalet li f’Malta saret konsultazzjoni wiesgħa kemm permezz ta’ stħarriġ mhux xjentifiku kif ukoll diskussjonijiet ma’ setturi partikulari li kienu jinkludu bdiewa, il-kamra tal-kummerċ u l-imsieħba soċjali kollha.

Dalli qalet li minn din il-konsultazzjoni jidher li hemm kunsens wiesgħa f’pajjiżna li l-ħin jinbidel għal wieħed tas-sajf is-sena kollha.