Malta minn tal-aħħar fl-Ewropa fis-cybersecurity

Read in English.

Malta tikklassifika mal-aħħar erba’ pajjiżi Ewropej fejn tidħol is-sigurtà tal-informazzjoni elettronika, is-cybersecurity.

Dan joħroġ minn stħarriġ li sar mill-Indiċi Nazzjonali tas-Cyber Security (NCSI) tal-Estonja.

Skont l-indiċi, Malta tinsab fil-34 post fl-Ewropa minn fost 37 pajjiż.  Fuq skala internazzjonali, Malta tinsab fis-47 post minn 100 pajjiż.

NCSI

L-NCSI turi li Malta tmur tajjeb fejn tidħol il-protezzjoni tal-informazzjoni personali, l-e-identification u servizzi ta’ fiduċja, u fil-ġlieda kontra l-kriminalità cyber.

Min-naħa l-oħra, Malta ma kisbet l-ebda punti fejn tidħol il-protezzjoni tas-servizzi diġitali, tal-immaniġġjar ta’ kriżijiet cyber, u fil-ħidma militari b’rabta ma’ affarijiet cyber.

Id-Direttur tal-Programm tas-Sigurtà Nazzjonali Cyber, Paul Rikk, qal ma’ Newsbook.com.mt li l-indiċi jiddeskrivi il-kapaċitajiet ta’ pajjiż b’rabta mas-cyber security f’12-il qasam differenti. Qal li Malta tmur tajjeb f’erba’ minnhom.

“Fl-istess ħin, Malta hija nieqsa minn kapaċitajiet importanti. Jidher li Malta għandha bżonn approċċ komprensiv lejn koordinazzjoni fuq livell statali għas-cybersecurity, l-implimentazzjoni, u s-superviżjoni. Malta nediet strateġija fl-2016. Huwa pjan tajjeb li jrid jitpoġġa fis-seħħ” qal Rikk.

Rikk żied jgħid li l-informazzjoni tal-NCSI dwar Malta nġabret minn sorsi pubbliċi. “Jista’ jkun li m’għandniex l-informazzjoni kollha rilevanti. F’dak il-każ, aħna kuntenti li nikkomunikaw mal-uffiċjali Maltin”.

Kelliema għal NCSI qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-proġett ilu jipprova jagħmel kuntatt mal-awtoritajiet Maltin biex jikseb aktar informazzjoni minn April li għadda, iżda kien kollu għalxejn.

L-informazzjoni dwar Malta ġiet miżjuda fl-NCSI f’Mejju tal-2018.

Skont l-NCSI, Franza tinsab fl-ewwel post filwaqt li Kiribati jinsab fl-aħħar post fis-cybersecurity.