Malta minn tal-aħħar fil-konsum tal-enerġija rinovabbli

Malta tinsab mal-aħħar tliet pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fil-konsum tal-enerġija rinovabbli skont stħarriġ tal-Eurostat li sar għas-sena 2017 u ġie ppubblikat illum. Fl-2017 7.2% biss tal-enerġija kkunsmata f’Malta kienet ġejja minn sorsi rinovabbli. Il-medja fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ 17.5% fl-2017.

Sal-2020 l-Unjoni Ewropea qed timmira li minn tal-inqas 20% tal-enerġija kkunsmata fl-UE tkun ġejja minn sorsi rinovabbli skont l-istrateġija Europe 2020.

Il-pajjiżi li jinsabu lejn l-aħħar huma Malta, in-Netherlands (6.6%) u l-Lussemburgu (6.4%). Filwaqt li l-Iżvezja għandha iktar minn nofs (54.5%) l-enerġija li tikkonsma minn sorsi rinovabbli, segwita bil-Filandja (41%) u Latvija (39%).

F’reazzjoni għall-istatistika maħruġa mill-Eurostat, il-Ministeru għall-Enerġija saħaq li dan juri li Malta qegħda fit-triq biex tilħaq il-mira għall-2020. Il-Ministeru sostna li r-riżultat miksub minn Malta kien bl-appoġġ tal-Gvern li ta għajnuna finanzjarja. Kompla jispjega li iktar minn 22,000 dar f’Malta qed igawdu minn kontijiet tad-dawl iktar baxxi minħabba li għandhom il-panelli fotovoltajiċi. Filwaqt li iktar minn 130 mega watt ta’ panelli kienu nstallati sal-aħħar tal-2018.

Il-Ministeru kkonkluda billi qal li l-Gvern jibqa’ kommess li jgħin investiment lokali biex jilħaq il-mira ta’ 10% tal-enerġija tkun ġejja minn sorsi rinovabbli.