Malta tissemma’ mill-ġdid f’każ marbut mal-kuntrabandu taż-żejt

L-awtoritajiet Taljani ssekwestraw daqs €55-il miljun f’assi relatati mal-investigazzjoni tat- traffikar internazzjonali tal-fjuwil bil-kuntrabandu. Il-Maltin Darren Debono u Gordon Debono kienu ġew arrestati f’Ottubru li għadda b’relazzjoni mal-każ. Dan il-fjuwil kien allegat li qed jiġi traffikat permezz ta’ bastimenti rreġistrati taħt isem Malti.

Uffiċjali mill-Guardia di Finanza ta’ Varese arrestaw numru ta’ nies hekk kif skoprew it-traffikar ta’ 29 miljun litru ta’ fjuwil, għal valur ta’ madwar €44 miljun. Huma sekwestraw €55-il miljun f’assi li jieħdu l-forma ta’ 29 miljun litru ta’ fjuwil, 11-il propjetà f’Genoa, Trieste u Abbbiategrasso, karozza, mutur u jott ta’ 14-il metru. Dan apparti kontijiet li jiswew madwar €1.3 miljun.

Il-fjuwil kien jitlaq mill-Libja lejn l-Italja, grazzi għall-bastimenti li jintużaw għat-trasport tal-fjuwil irreġistrati f’Malta. Jirriżulta li l-ħidma hija simili tal-qabda li kienet saret f’Ottubru tal-2017 bħala parti minn Operazione Dirty Oil, fejn 350 miljun litru ta’ fjuwil kienu ġew trasportati minn Malta lejn l-Italja bi 30 vjaġġ fuq bastimenti rreġistrati taħt Darren u Gordon Debono.

Malli l-fjuwil jasal l-Italja, minħabba li kien qed jinqata’ l-VAT peress li kien qed jiġi traffikat b’dokumentazzjoni falza, il-fjuwil seta’ jinbigħ fl-Italja bi prezzijiet irħas mis-suq, li ħoloq kompetizzjoni mhux ġusta.