Malta mill-ġdid taħt il-lenti tal-Ewropa

Malta se terġa’ tiġi investigata minn delegazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili fi ħdan il-Parlament Ewropew (PE).

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-PE f’Malta qal li delegazzjoni ta’ tmien Membri tal-PE se żżur is-Slovakkja u Malta bejn is-17 u d-19 ta’ Settembru “biex teżamina s-sitwazzjoni tar-rispett lejn il-liġijiet, il-korruzzjoni, u s-sikurezza tal-ġurnalisti fiż-żewġ pajjiżi”.

“L-għan taż-żjara ad hoc tad-delegazzjoni huwa li tara mill-qrib xi żviluppi kien hawn f’Malta u s-Slovakkja u tkompli x-xogħol ibbażat fuq ir-riżultati tal-missjonijiet preċedenti fiż-żewġ pajjiżi.”

L-MEP tal-ALDE Sophie in’t Veld, li hija l-President ta’ grupp ta’ monitoraġġ tal-kumitat, qalet li l-grupp ħa pożizzjoni spalla ma’ spalla mal-familja u l-ħbieb tal-ġurnalisti maqtula f’Malta u fis-Slovakkja.

“Dawn id-delitti jridu jiġu solvuti, ma jistax ikun hemm impunità. Il-ġurnalisti jridu jkunu jafu li jistgħu jagħmlu xogħolhom mingħajr periklu. Se nżuru Malta u Slovakkja għal darb’oħra biex niksbu aktar tweġibiet u jkollna stampa ċara ta’ kif inhi s-sitwazzjoni” qalet  in’t Veld.

Il-lista ta’ MEPs li se jiffurmaw id-delegazzjoni u l-programm tal-missjoni se jiġu deċiżi wara s-sajf.