“Malta: Mhix tax haven imma ma tgħinx biex tonqos l-evażjoni”

Wieħed mir-rapporteurs tal-Kumitat PANA fi ħdan il-Parlament Ewropew qal li Malta mhix tax haven, iżda mhux qed tagħmel wisq biex tgħin fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.
Dalgħodu fil-Parlament Ewropew fi Strażburgu kien hemm dibattitu dwar ir-rapport tal-PANA dwar il-Panama Papers, anki fid-dawl tal-emenda li l-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, li tiegħu l-Partit Laburista f’Malta huwa membru.
Il-ġimgħa l-oħra, l-istess Partit Ewropew ippropona li Malta, flimkien ma’ tliet pajjiżi oħra Ewropej, titqies bħala tax haven, jiġifieri pajjiż fejn wieħed jista’ jevita t-taxxa faċilment.
Il-kelliem Petr Jezek mill-grupp tal-Liberali u d-Demokratiċi (ALDE), filwaqt li enfasizza li Malta mhix tax haven, irrimarka li ma tikkoperax mal-UE biex dan l-abbuż mis-sinjuruni jitwaqqaf.
Insistenza biex l-UE tadotta rata waħda ta’ taxxa
Waqt is-sessjoni plenarja tkellem ukoll kollega ta’ Jezek, Jeppe Kofod, li reġa’ għafas fuq l-idea li l-UE taddotta rata waħda ta’ taxxa bħala waħda mill-armi, biex kif deskritta minnu, “dil-ġirja lejn il-qiegħ tat-tassazzjoni u r-regolarizzazzjoni” tiġi kkumbattuta.
Qabel miegħu l-Kummissarju Ewropew għall-Ekonomija u l-Finanzi, Pierre Mascovici, li żied jisħaq dwar il-ħtieġa ta’ aktar qsim ta’ informazzjoni dwar is-suġġet bejn l-Istati Membri, kif ukoll it-tisħiħ ta’ dawk l-aġenziji li jaħdmu kontra l-ħasil tal-flus.
Is-suġġett dar ukoll għall-istatus ta’ Malta, wara li fl-aħħar jiem kemm l-Oxfam, imbagħad anki s-Soċjalisti u d-Demokratiċi, talbu biex Malta titqies bħala tax haven mal-Olanda, il-Lussemburgu u l-Irlanda.
Il-Kummissjoni ħarġet il-lista tal-pajjiżi li jidhrilha huma tax havens bħal-lum ġimgħa, u ma nkludietx pajjiżi Ewropej, lanqas lil Malta.
Mascovici wieġeb lill-Ewroparlamentari li llum staqsew għala għamlet hekk billi rrimarka li l-ebda pajjiż Ewropew ma jista’ jitqabbel mal-pajjiżi msemmija.
Sadanittant, kemm l-Ewroparlamentari tal-Ħodor, Sven Giegold, kif ukoll Ana Gomes mis-Soċjalisti u d-Demokratiċi, it-tnejn parti mit-tim li żar Malta ftit tal-jiem ilu, qablu li jiddaħħlu miżuri kontra pajjiżi Ewropej li ma jikkoperawx mal-UE kontra l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa.
Waqt is-sessjoni, ebda Ewroparlamentari Malti ma tkellem.
Il-vot dwar ir-rapport tal-PANA fuq il-Panama Papers mistenni jittieħed għada.