‘Malta mhix tax haven’ – Casa, Metsola u Zammit Dimech

Id-delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew magħmula minn David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech qalet li ‘Malta mhix tax haven’.  Dan fid-dawl tal-vot li se jittieħed illum, li fi kliemhom jaf ikollu implikazzjonijiet serji għas-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta.
Fi stqarrija, id-delegazzjoni tal-PN qalet li d-delegazzjoni Laburista fil-Parlament magħmul minn Alfred Sant, Miriam Dalli u Marlene Mizzi ħalla l-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) li l-Partit Laburista jagħmel parti minnu, ipoġġi fuq il-mejda l-emenda biex Malta tiġi ddikjarata tax haven.
Min-naħa tagħhom, l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti qalu li qed jaħdmu biex il-vot ma jkunx biss mill-Partit Popolari Ewropew, li huma parti minnu, iżda wkoll il-vot mid-diversi Ewroparlamentari mill-gruppi differenti. Huma sostnew li qegħdin jaħdmu biex il-proposta mressqa mill-Grupp Soċjalista ma tgħaddix.
Argumentaw li mid-diskussjonijiet li kellhom ħareġ ċar li kienet in-nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-Prim Ministru Joseph Muscat li jieħu azzjoni konkreta fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, meta ħareġ isimhom fil-Panama Papers. Qalu wkoll li l-pożizzjoni ta’ Malta fuq l-imwejjed tad-diskussjoni u negozjati ġiet imdgħajfa kawża ta’ hekk.
Temmew jgħidu li l-Prim Ministru qiegħed ikun partiġġjan.