Malta mhix affettwata mis-salmonella fil-ħalib tat-trabi

S’issa ma jidhirx li Malta hija waħda mit-83 pajjiż li ġew affetwati mill-iskandlu tas-salmonella fil-ħalib tat-trab għat-trabi, tal-kumpanija Franċiża Lactalis.
Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt mid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali li qal li ilu jsegwi dan il-każ mill-qrib minn meta feġġ fl-Ewropa.
Id-Direttorat kompla jgħid li r-Rapid Alert System for Food and Feed tal-Kummissjoni Ewropea ma qalitx li kien hemm il-ħtieġa li dan il-prodott jiġi rtirat mis-suq lokali.
Il-każ affettwa iktar minn 12-il miljun kaxxa ta’ ħalib tat-trab li issa ġew irritornati kollha lejn il-kumpanija Franċiża. Ir-rapport sabiex jintbagħtu lura l-prodotti Picot, Milumel u Taranis, ħareġ f’Diċembru li għadda wara li l-mikrobu tas-salmonella nstab fil-fabbrika tal-ħalib.
Is-salmonella tikkawża dijarea, bugħawwieġ fl-istonku, rimettar, kif ukoll nixfa kbira.
S’issa ġew irrappurtati 35 każ fi Franza u ieħor ikkonfermat fi Spanja. Qed jiġi investigat ukoll każ ieħor fil-Greċja.