‘Malta mħassba dwar it-terroriżmu fil-Mediterran’ – Justyne Caruana

L-użu tal-midja soċjali qed ikollu impatt negattiv, speċjalment fejn jidħlu atti ta’ terroriżmu fil-Mediterran qalet is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni Justyne Caruana.
Waqt laqgħa dwar ċiviltajiet fil-Mediterran fi New York, is-Segretarju Parlamentari qalet li l-iżviluppi fir-reġjun huma inkwetanti għall-pajjiż, u li l-influss ta’ persuni li qed jaħarbu l-gwerer u l-oppressjoni hi sitwazzjoni li trid tkun indirizzata.
Semmiet li gruppi terroristi qed jaħdmu mal-ISIS u li permezz tal-internet qed ikomplu jżiedu l-attività tagħhom.
Justyne Caruana sostniet li t-terroriżmu jeħtieġ “tweġiba waħda dinjija”, filwaqt li qalet li Malta tilqa’ l-att tal-Ġnus Magħquda kontra l-Vjolenza Estrema.
Temmet tgħid li l-edukazzjoni, governanza tajba u l-liġi huma kruċjali f’din il-ħidma, u li t-trasparenza fl-implimentazzjoni trid tkun inklussiva u fil-miftuħ.