Malta m’għandhiex bżonn screening għall-virus Ċiniż – awtoritajiet tas-saħħa

Malta m’għandhiex għalfejn tagħmel screening fuq passiġġieri deħlin fl-ajruport skont l-awtoritajiet tas-saħħa lokali.

Is-Sovritendenza għas-Saħħa Pubblika qalet lil Newsbook.com.mt li l-parir li ngħata miċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll u Prevenzjoni tal-Mard (ECDC) hu li l-iscreening fuq persuni li jkunu għadhom kemm daħlu fil-pajjiż mhuwiex ikkunsidrat bħala miżura effetiva biex taqbad mard infettiv.

“Dan speċjalment, bħal f’dan il-każ partikolari fejn is-sintomi tal-marda huma komuni u huma fl-istess żmien taż-żieda fl-attività tal-influwenza staġjonali. Madankollu li jiġu ċċekjati l-passiġġieri ta’ titjiriet diretti tista’ tkun ikkunsidrata. Dan fil-fatt qiegħed jiġri fl-Istati Uniti u Ruma. Malta m’għandhiex titjiriet diretti minn u lejn Wuhan,” qalet is-Sovritendenza.

L-awtoritajiet fakkru biex dawk kollha li jkunu vjaġġaw lejn postijiet affetwati minn dan il-virus u jkollhom problemi respiratorji fi żmien 14-il jum minn meta jkunu ġew lura, għandhom jikkuntattjaw immedjatament lill-awtoritajiet għas-saħħa pubblika.

Skont il-BBC, hemm ċans kbir li jkun hemm każijiet bil-coronavirus il-ġdid fl-Ingilterra. Però, il-maġġoranza ta’ dawk li mardu barra miċ-Ċina qed jerġgħu jirkupraw. S’issa 14-il persuna ġew eżaminati fl-Ingilterra. Disa’ qed jistennew ir-riżultat filwaqt li ħamsa ngħataw aħbar tajba. Hemm aktar minn 800 każ konfermat madwar id-dinja ta’ dan il-virus li qatel 26 persuna fiċ-Ċina.

Jekk wieħed ikun sejjer iċ-Ċina għandu jitlaqqam għall-influwenza minn ġimagħtejn qabel skont is-Sovritendenza għas-Saħħa Pubblika.

L-awtoritajiet Ċiniżi waqqfu t-trasport pubbliku kollu minn u lejn Wuhan, il-belt Ċiniża ta’ 11-il miljun persuna.