Malta m’għadhiex titqies pajjiż sigur mill-Irlanda minħabba ż-żieda fil-każijiet

Miguela Xuereb

Malta tneħħiet mil-lista ta’ pajjiżi siguri għat-turisti Irlandiżi, u issa, in-nies li joqogħdu fl-Irlanda li jżuru Malta jridu jagħmlu ġimagħtejn kwarantina.

Malta kienet waħda mill-ħames pajjiżi li tneħħew mil-lista sigura tal-Irlanda. L-oħrajn kienu Ċipru, Ġibiltà, San Marino u Monaco.

Il-pajjiżi li għadhom fuq il-lista huma l-Finlandja, in-Norveġja, l-Italja, l-Ungerija, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Slovakkja, il-Greċja u Greenland.

Il-Prim Ministru Irlandiż qal li l-Gvern ħa din id-deċiżjoni peress li l-għadd tal-każijiet tal-coronavirus fl-Ewropa donnu reġa’ qiegħed jiżdied. Stqarr li l-Irlanda hija f’pożizzjoni relattivament tajba u l-Gvern irid li tibqa’ hekk u ma jiżdiedx ir-riskju, speċjalment għall-iskejjel li se jinfetħu mill-ġdid fi ftit ġimgħat.

L-Irlanda ma kienx l-uniku pajjiż li ħa azzjoni minħabba l-każijiet li qed jiżdiedu f’Malta. Fil-31 ta’ Lulju l-Gvern tal-Litwanja ppubblika lista aġġornata tal-pajjiżi milqutin mill-pandemija. Malta tinsab imniżżla flimkien ma’ disa’ pajjiżi oħra li residenti tagħhom ma jistgħux jidħlu l-Litwanja. Ċittadini tal-Litwanja li kienu f’xi wieħed minn dawn il-pajjiżi jridu jagħmlu kwarantina.

Dawk li jaslu lura l-Latvja minn Malta wkoll iridu jagħmlu ġimagħtejn kwarantina.