Malta marret lura fl-ugwaljanza

Minn 142 pajjiż, Malta tinsab fid-99 post f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ugwaljanza bejn is-sessi.
Skont ir-rapport Global Gender Gap tal- World Economic Forum, Malta, l-Italja u t-Turkija huma l-uniċi pajjiżi Ewropej li jaqgħu taħt il-medja mitluba.
Is-sena li għaddiet Malta kienet fl-84 post minn 136 pajjiż, jiġifieri 15-il pożizzjoni aktar ’il quddiem minn din is-sena.
Mir-rapport ħareġ li bħala ugwaljanza fil-pagi Malta qiegħda fil-45 post, iżda għall-parteċipazzjoni ekonomika u l-opportunitajiet, hi fil-116-il post. 
Minħabba l-għadd ta’ nisa fil-parlament Malta ġiet ikklassifikata bħala 99 pajjiż waqt li qiegħda fit-82  post għall-għadd ta’ nisa li jokkupaw karigi ministerjali.
Fuq medda tal-aħħar 50 sena, Malta qiegħda fid-19-il post għall-involviment ta’ nisa bħala kap tal-pajjiż.
Skont il-World Economic Forum, Malta tmur tajjeb f’dak li għandu x’jaqsam ma edukazzjoni.
Fil-fatt ikklassifikat l-ewwel fil-litteriżmu, kif ukoll fl-edukazzjoni primarja, sekondarja u anke terzarja.
F’termini ta’ saħħa u għejxien, Malta tpoġġiet fit-98 post.  Ir-rata ta’ twelid tal-pajjiż poġġietu fl-94 post.
Dan hu d-disa’ rapport, bil-għan li janalizza x-xejriet differenti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi f’pajjiżi differenti u anke jipprova jnaqqas id-distakk.
Mir-rapport ta’ din is-sena ħareġ li għas-sitt sena konsekuttiva, l-Iżlanda hu l-pajjiż fejn bil-kemm hemm differenza bejn in-nisa u l-irġiel. 
Warajha hemm il-Finlandja, in-Norveġja, l-Iżvezja u d-Danimarka.