Malta ma tweġibx lill-KE dwar direttiva kontra l-ħasil tal-flus

Kelliem għall-Kummissjoni Ewropea (KE) qal li għadhom ma rċevewx tweġiba minn Malta għall-ittra li kienu bagħtu sabiex jistaqsu għala direttiva kontra l-ħasil ta’ flus għadha ma ddaħħlitx fil-liġi Maltija.
Dan ġie rrappurtat illum mill-ġurnal The Malta Independent, li jgħid li s-26 ta’ Ġunju li għadda kien l-aħħar jum li fih il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kellhom iċ-ċans li jilleġiżlaw ir-raba’ direttiva mfassla mill-KE, li tagħmilha itqal għal organizzazzjonijiet terroristiċi u gruppi kriminali biex jaħbu flushom.
Id-direttiva twessa’ d-definizzjoni ta’ persuni esposti politikament, jiġifieri aktar persuna jkunu suġġetti għal skrutinju.
Malta kienet waħda minn 14-il pajjiż li ma wiġbux jekk implimentawx jew le din id-direttiva. Ir-rapport ikompli billi jgħid kif aktar kmieni dil-ġimgħa Brussell ċanfar lil dawn il-pajjiżi għal dan-nuqqas.
Huwa fatt magħruf li dawn l-organizzazzjonijiet kriminali jaħbu flushom billi jmexxuhom minn pajjiż Ewropew għal ieħor.
L-Independent tkompli tgħid li l-kelliem għall-KE rrimarka li minkejja li l-ittra ntbagħtet tard, ġimagħtejn biss qabel għalaq iż-żmien, xorta kienu qed jistennew xi osservazzjonijiet mill-Gvern Malti biex ifiehmu għaliex id-direttiva ma ddaħħlitx.
Fit-30 ta’ Ġunju li għadda, erbat ijiem wara l-iskadenza taż-żmien, it-Times of Malta kienet irrappurtat li l-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, kien qal li d-direttiva kellha tiddaħħal sa qabel il-Parlament joħroġ għal btajjel tas-sajf.
Scicluna kien enfasizza li l-Gvern Malti aċċerta lill-KE li d-direttiva se tiġi lleġiżlata.
Sas-26 ta' Ġunju, 11-il pajjiż biss ikkonfermaw li d-direttiva ġiet implimentata: Ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, l-Islovenja, l-Iżvezja, l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka u l-Kroazja.