“Malta ma tridx tkun ostaġġ ta’ attakk terroristiku” – MEPs Laburisti

L-ewroparlamentari Laburisti Maltin qalu li mhuwiex aċċettabbli li Malta tispiċċa ostaġġ ta’ min irid juża attakk terroristiku biex jagħmel ħsara lill-poplu Malti. 
Fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant, Miriam Dalli u Marlene Mizzi iddeskrivew l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia bħala “att faħxi”. 
Fi stqarrija li ppreżentaw fid-dibattitu “Il-Protezzjoni tal-Ġurnalisti u d-difiża tal-libertà tal-midja f’Malta”, l-ewroparlamentari Laburisti sostnew li l-qtil ta’ Caruana Galizia qatt ma jista’ jiġi ġustifikat. 
FL-istess ħin iddeploraw attentati minn uħud li fi kliemhom ippruvaw jitfgħu dubju fuq l-impenn tal-awtoritajiet Maltin lejn il-valuri demokratiċi tas-saltna tad-dritt, u l-libertà tal-espressjoni. 
L-ewroparlamentari Laburisti qalu li min jipprova jfixkel l-għaqda b’piki partiġġjani, qed ifixkel il-kawża tad-demokrazija, tal-ġustizzja u tal-espressjoni ħielsa f’Malta u fl-Ewropa.