“Malta ma tistax titqies bħala tax haven” – espert

Rapport li ħareġ dil-ġimgħa mill-Università ta’ Amsterdam jgħid li Malta ġiet klassifikata fit-tmien post fost il-pajjiżi li jitqiesu bħala ‘tax havens’.
L-espert finanzjarju Paul Bonello tkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar dan ir-rapport, fejn qal li Malta żgur ma tistax titqies bħala ‘tax haven’.
Spjega kif ‘tax haven’ tfisser leġiżlazzjoni li taġevola lill-barranin biex jiġu jinvestu fil-pajjiż, u li din tista’ tkun fil-forma ta’ rata baxxa ta’ taxxa jew segretezza.
Qal li dawn il-pajjiżi hekk imsejħa bħala ‘tax havens’ dejjem qed jonqsu għax qed issir pressjoni kbira fuq il-ftit pajjiżi li fadal.
Meta tkellem dwar Malta, Paul Bonello qal li bejn l-1989 u l-1994, din setgħet titqies bħala ċentru offshore iżda sostna li dan kollu nbidel fl-1994.
Kompla jgħid li Malta biddlet il-liġijiet tagħha biex ikunu kumpatibbli ma’ dawk tal-UE, kif ukoll mat-trattati tal-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp u l-Koperazzjoni Ekonomika.
L-espert finanzjarju semma kif l-industrija tas-servizzi finanzjarji jikkontribwixxi madwar 12% tal-Prodott Gross Domestiku ta’ Malta.
Qal li dan jikkonferma kemm is-servizzi finanzjarji jiffurmaw pilastru ekonomiku ewlieni, ftit inqas minn dak tat-turiżmu.
Dwar il-fatt li kumpaniji barranin f’Malta jistgħu jgawdu minn tnaqqis fit-taxxa minn 35% għal 5%, qal li fil-futur ma jeskludix li tista’ tkompli żżid il-pressjoni fuq Malta. Madankollu sostna li ħafna drabi din il-pressjoni ma tiġix minn pajjiżi oħra, iżda minn politiċi ta’ pajjiżi oħra.
Paul Bonello temm jgħid li kumpaniji barranin li jinvestu f’Malta jiġu mġiegħla joħolqu attività jew preżenza ekonomika fil-pajjiż.
Spjega li hija wkoll ħaġa naturali li kumpaniji barranin ikollhom jirripatrijaw parti minn dan il-qliegħ lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.
L-istudju tal-Università ta’ Amsterdam ġie ppublikat fil-ġurnal għar-Rapporti Xjentifiċi u eżamina l-istrutturi ta’ madwar 98 miljun kumpanija minn madwar id-dinja.
F’din il-klassifika, Malta hija t-tielet pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea fejn qabilha jiġu biss il-Lussemburgu u Ċipru.
Fl-ewwel post ta’ din il-klassifika hemm il-British Virgin Islands.