“Malta ma tistax tilqa’ immigranti bla limitu” – Sant

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant sostna li Malta ma tistax tilqa’ wasliet ta’ immigranti bla limitu fuq gżira żgħira.

Dan qalu waqt il-programm ta’ Emmy Bezzina, Il-Parlament tal-Poplu, fuq SMASH TV, bid-diskussjoni ddur mal-immigrazzjoni.

Dr Sant sostna li l-Unjoni Ewropea għandha kriżi istituzzjonali għax la hemm politika komuni u lanqas risposta komuni dwar l-immigrazzjoni. Irrimarka li hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-pajjiżi membri fuq kif jiġu kkontrollati l-fruntieri u kif għandu jinqasam il-piż tal-immigranti fost l-istati membri.

Spjega li llum il-ġurnata jidher li għall-ewwel l-immigranti jippruvaw jitwaqqfu milli jibdew il-vjaġġ bil-baħar. Jekk dawn jagħmlu l-vjaġġ jiġu slavati meta jkunu se jegħrqu. Imbagħad l-istati membri jqassmuhom bejniethom. Madanakollu insista li dan mhux qed isir bl-istrutturi tal-Unjoni Ewropea.

L-istrutturi tal-Unjoni Ewropea jiġu segwiti meta wieħed jimxi mal-ftehim ta’ Dublin. Dr Sant spjega li dan jgħid li “meta immigrant irregolari jew refuġjat jasal f’pajjiż tal-UE u jkun l-ewwel darba li miss siequ mal-art, jibqa’ f’dak il-pajjiż.” Madankollu spjega li issa qiegħdin fi stat fejn il-Gvern Taljan qed jinsisti li ma jistax ilaħħaq mal-immigranti, u rrimarka li Malta wkoll għandha l-limiti tagħha.

“L-Italja tippermetti li l-immigranti jidħlu Malta faċilment”

Dr Sant insista li meta l-Italja tagħti karta ta’ identità lill-immigranti li jaslu f’pajjiżha, l-awtoritajiet iħalluhom immorru fejn iridu, b’konsegwenza li tkun aktar faċli li dawn jidħlu f’Malta.

Irrimarka li bosta jridu jmorru kontra r-regoli tax-xengen, tant li semma kif Horst Seehofer, il-Mexxej Bavarjan tal-Konservattivi ried jintroduċi kontrolli strinġenti fuq il-fruntieri. Dan wara li kien hemm influss ta’ immigranti deħlin fil-Bavarja mill-Italja u mill-Awstrija.

“Din hija sfida Ewropea li ddaħħal fatturi ekonomiċi, soċjali u storiċi. Kif se nużaw il-fondi biex nikkontrollaw dan il-fenomenu? Effettivament kif se jkun hemm politika aċċettata mill-istati membri tal-UE u li tittratta l-problema tal-immigrazzjoni bħala problema Ewropea, jiġifieri li kulħadd jipparteċipa fiha. Għadna ’l bogħod li nsibu soluzzjoni dwar l-immigrazzjoni!” qal Alfred Sant.