“Malta ma tistax terfa’ t-toqol tal-immigrazzjoni waħedha” – Delia lill-PPE

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li Malta ma tistax titħalla waħedha quddiem l-isfida tal-immigrazzjoni.

Huwa qal dan waqt summit virtwali tal-Partit Popolari Ewropew (PPE). Spjega li kif Malta tagħti s-sehem tagħha biex jissalvaw il-ħajjiet u tħares l-obbligi internazzjonali, l-Unjoni Ewropea għandha tagħti sehemha wkoll.

Dr Delia wassal il-messaġġ li l-Ewropa trid turi s-solidarjetà, elenka d-diffikultajiet ta’ Malta u saħaq li dawn għandhom jitpoġġew fuq nett tal-aġenda Ewropea, fejn hemm il-ħtieġa ta’ azzjoni immedjata. Delia enfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ dan speċjalment peress li huwa mistenni li jkun hemm iżjed każijiet ta’ immigrazzjoni irregolari matul ix-xhur tas-sajf.

Matul is-summit, Adrian Delia tkellem ukoll dwar it-turiżmu f’dan iż-żmien tal-pandemija u jekk hemmx pjan ċar Ewropew fir-rigward ta’ turiżmu madwar l-Ewropa. Tkellem dwar il-ħtieġa li nagħtu l-għajnuna u l-appoġġ lill-ekonomija speċjalment meta 19% tal-GDP ta’ Malta jiddependi mit-turiżmu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta l-Unjoni Ewropea qiegħda tressaq biljuni ta’ ewro f’fondi u pakketti ekonomiċi lill-pajjiżi membri għall-għajnuna fi żmien il-pandemija, il-Gvern mhux qed jagħti informazzjoni u għadu ma qalx kemm se jkun il-pakkett ta’ għajnuna f’fondi u kif Malta se tagħmel l-aqwa użu minn dawn il-fondi u għajnuniet sabiex ikollhom għajnuna s-setturi ekonomiċi li jinsabu f’diffikultà u li qegħdin ibatu minħabba dan iż-żmien. Adrian Delia insista li l-Gvern għandu jagħmel l-almu kollu biex jinnegozja bl-aħjar mod u jara li jġib l-ikbar ammont ta’ fondi f’għajnuna għan-negozji u l-ħaddiema.