Malta ma implimentatx il-liġi sħiħa tal-UE fit-tniġġis tal-arja

Il-Kummissjoni Ewropea qed titlob lil Malta biex timplimenta d-direttiva sħiħa tal-Unjoni Ewropea dwar it-tnaqqis fl-emmissjonijiet li jniġġsu l-arja.

L-ittri ta’ notifiki formali nħarġu lil Malta, l-Ungerija u anki d-Danimarka minħabba li t-tliet pajjiżi ma daħħlux il-proviżżjonijiet kollha tal-liġi Ewropa fil-liġi nazzjonali. Dan huwa l-ewwel proċess fi proċedura ta’ ksur tal-liġijiet fejn il-Kummissjoni Ewropea tibda b’talba għal informazzjoni (Ittra ta’ Notifika Formali) lill-Istat Membru.

Fil-każ ta’ Malta, il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-liġi nazzjonali mhix konformi ma dak li titlob il-liġi ewropea dwar l-obbligu li l-istat jagħmel monitoraġġ, dwar il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-programmi nazzjonali ta’ kontroll tat-tniġġis fl-arja u inventarji tal-emissjonijiet, u fuq ir-rapporti dwar emissjonijiet mill-fjuwil.

Kien għalhekk li l-Kummissjoni ħarġet l-ittra ta’ notifika formali fejn Malta u l-pajjiżi l-oħra ġew mitluba biex fi żmien tliet xhur tiġi emendata l-liġi nazzjonali biex jitranġaw dawn il-problemi.

Jekk ma jsirx dan il-Kummissjoni tista’ toħroġ Oppinjoni Raġunata dwar il-ksur ta’ liġi Ewropea. Malta tista’ imbagħad tiddeċiedi jekk taċċettax jew tinnegozja eżenzjoni iżda tkun f’riskju li l-Kummissjoni tressaq il-każ quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Id-Direttiva li ma daħlitx b’mod sħiħ fil-liġi Maltija

Id-direttiva titlob lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea biex ikollhom impenji nazzjonali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet fuq ħames sustanzi li jniġġsu l-arja. Dawn huma ossidi tan-nitroġenu (NOx), komposti organiċi volatili mhux tal-metan (NMVOCs), dijossidu tal-kubrit (SO2), ammonja (NH3) u materja partikulata fina (PM2.5). Dawn is-sustanzi jkomplu jgħinu biex ikun hawn arja ta’ kwalità ħażina li twassal għal impatti negattivi ħafna fuq is-saħħa tal-bniedem fosthom bi problemi respiratorji, mard tal-qalb u kanċer, kif ukoll li ssir ħsara fl-ekosistemi.